Tuesday, May 6, 2025

L-Avukat Carmel Chircop intlaqat minn erba’ tiri

Ikompli l-ġuri dwar il-qtil tal-Avukat Chircop u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Aqra wkoll

Spettur tal-Pulizija xehed fil-Qorti kif ġew sparati sitt tiri fid-direzzjoni tal-Avukat Carmel Chircop u ntlaqat minn erbgħa minnhom f’dahru u sidru. It-tiri ġew sparati f’distanza ta’ żewġ metri ’l bogħod mill-vittma. 

L-Ispettur Jonathan Attard kien qed jixhed fil-ġuri li għaddejjin erba’ rġiel li jinsabu akkużati b’reati relatati mal-omiċidju tal-Avukat Chircop li seħħ f’Ottubru tal-2015 u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.

L-akkużati huma l-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufa bħala “Ta’ Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala “ċ-Ċiniż”. Robert u Jamie jinsabu akkużati li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Adrian Agius qed ikun akkużat li kkummissjona l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop filwaqt li Jamie Vella u George Degiorgio qed ikunu akkużati li kienu l-eżekuturi f’dan id-delitt. L-erba’ akkużati qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. 

Hekk kif fis-seduta tal-bieraħ komplew jinstemgħu aktar provi, l-Ispettur Jonathan Attard stqarr li wara eżamijiet minn esperti ballistiċi fil-post fejn inqatel l-Avukat Chircop, ġie stabbilit li l-vittma miet fuq il-post wara li ntlaqat minn erba’ tiri mis-sitta li ġew sparati. Irriżulta wkoll li tir ieħor kien laqat il-bieb tal-garaxx u l-ieħor laqat karozza Mercedes. 

Xehed ukoll l-Ispettur Shawn Pawney li stqarr li kien involut l-ewwel darba fil-każ fl-2020 meta kien qed jassisti lit-Taqsima ta’ Kontra l-Omiċidji wara li Vince Muscat magħruf bħala “l-Koħħu” kien qiegħed jagħti informazzjoni dwar l-qtil tal-Avukat Chircop.

Spettur ieħor xehed dwar l-arrest ta’ Jamie Vella u t-tfittxijiet li kienu saru fit-residenza tiegħu fis-Swieqi. Fil-basement ta’ din ir-residenza instabu erba’ vetturi – Volvo, Citroen, Mercedes u BMW. 

Kuntistabbli ieħor ukoll semma kif waqt dawn l-istess tfittixjiet instabu ħames mobiles fil-kċina u ħames mobiles oħra fir-residenza fuq xi għamara. Instabu wkoll xi dokumenti fosthom passaporti. 

Il-ġuri jkompli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport