Saturday, November 23, 2024

L-Avukat Franco Debono jfaħħar il-proċess tal-għażla għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Aqra wkoll

Jisħaq li l-possibbiltà li kull min ikun interessat u eliġibbli jkun jista’ japplika għall-kariga “hija l-akbar bidla li qatt jista’ jkun hemm”

L-ekd-Deputat Nazzjonalista, l-Avukat Franco Debonokellu kliem ta’ tifħir għall-proċess tal-għażla li se jkun qed iwassal għall-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija.

Huwa kkummenta li l-possibbiltà li kull min ikun interessat u eliġibbli jkun jista’ japplika għall-kariga “hija l-akbar bidla li qatt jista’ jkun hemm”.

Tenna li l-proċess il-ġdid se jkun qed ipoġġi fis-seħħ pjattaforma lil dawk eliġibbli u interessati fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija biex jersqu ’l quddiem u japplikaw b’mod li mhux biss l-għażla ssir mill-aktar firxa wiesgħa, u l-kariga tkun aċċessibbli għal kulħadd, iżda wkoll il-poplu jkun jaf min huma l-applikanti interessati li jinħatru, u għaldaqstant issir għażla aħjar.

B’referenza għall-insistenza min-naħa tal-Oppożizzjoni biex il-Kummissarju tal-Pulizija jintgħażel bl-approvazzjoni taż-żewġ teerzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Avukat Debono tenna li kienu dan kien ikun il-każ “qatt ma konna nkunu nafu min seta’ kien interessat”.

Fl-istess waqt temm jgħid li fost dawk li applikaw faċilment jista’ jintlaħaq qbil bejn kulħadd dwar il-kandidat ideali u allura jkun jista’ jintlaħaq ukoll l-iskop taż-żewġ terzi.

L-avukati Mary Muscat, Herman Mula, Frankie Sammut, l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, il-prokuratur legali Sandro Camilleri, Angelo Gafa, is-CEO attwali tal-Pulizija l-Ispettur Robert Vella lkoll ikkonfermaw li tefgħu l-applikazzjoni għall din il-kariga. Minkejja li mhux ikkonfermat l-Ispettur Jonathan Ransley wkoll tefa’ l-applikazzjoni għall-kariga.

Intant l-applikazzjonijiet mitfugħin se jkunu jiġu evalwati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC).

Wara li ssir l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-PSC se tkun qed tressaq żewġ kandidati għall-għażla finali li ssir mill-Kabinett, bil-persuna magħżula mbagħad tgħaddi minn skrutinju fil-Parlament.

L-emenda fil-liġi għall-mod kif se jkun qed jintgħażel il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija ġiet approvata mill-Parlament b’34 vot favur u 24 kontra nhar l-Erbgħa l-1 ta’ April qabel dan aġġorna għall-btajjel tal-Għid.

Sport