L-Avukat Ġenerali ta’ New York Letitia James ġiet akkużata kriminalment f’qorti federali fuq akkużi li allegatament wettqet frodi bankarja u li għamlet dikjarazzjonijiet foloz lil istituzzjoni finanzjarja rigward self ipotekarju għal dar f’Norfolk, Virginia.
Letitia James, li kienet mexxiet investigazzjoni ta’ frodi ċivili kontra Donald Trump fl-2023, qalet fi stqarrija, li dan l-aħħar Trump għamel pressjoni pubblika fuq il-prosekuturi biex jippreżentaw akkużi kriminali kontriha, u akkużatu li qed idawwar s-sistema tal-ġustizzja tal-Istati Uniti f’arma ddisprata.
Hija sostniet li dawn l-akkużi kontriha huma bla bażi, u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-president Trump innifsu jagħmluha ċara li l-uniku għan tiegħu huwa t-tpattija politika akkost ta’ kollox.
Il-prosekutur Amerikan assenjat għal dan il-każ, Lindsey Halligan, eks avukat personali ta’ Trump inħatret minn Trump biex tissorvelja l-każ wara li prosekutur Amerikan ieħor, Erik Siebert, irriżenja. Siebert allegatament tneħħa mill-kariga wara li qal lid-dipartiment tal-ġustizzja ma sabx biżżejjed evidenza biex jakkuża lil Letitia James.
Il-gvern federali jallega li James xtrat dar f’Norfolk billi użat self ipotekarju li kien jirrikjedi li tuża l-proprjetà bħala r-residenza sekondarja tagħha u ma kienx jippermetti sjieda kondiviża jew “timesharing” tad-dar.
Jekk tinstab ħatja, James tista’ teħel sa 30 sena ħabs għal kull akkuża u multa sa $1 miljun fuq kull akkuża, skont ma qalwet il-prosekutur Halligan.
Ix-xahar li għadda Trump appella lill-Avukat Ġnerali tal-Istati Uniti Pam Bondi, li tmexxi d-dipartiment tal-ġustizzja, biex tipproċedi kontra l-avversarji politiċi tiegħu, inkluż l-Avukat Ġenerali ta’ New York Letitia James.
James kienet mexxiet każ ta’ frodi ċivili minn Trump u kien instab responsabbli li ffalsifika rekords biex jiżgura ftehimiet ta’ self, li wassal għal multa ta’ $500m. Il-piena ġiet miċħuda minn qorti tal-appell, li ddikjarat il-multa bħala eċċessiva, għalkemm sostniet li Trump kien responsabbli għal frodi.
Matul il-każ, Trump spiss attakka lil James barra l-awla tal-qorti, fejn akkużaha li wettqet “political witch hunt” kontrih. James dakinhar qalet li l-qrati ddeċidew li Trump “ma kienx ‘il fuq mil-liġi”.