Tuesday, November 25, 2025

L-Avukat Ġenerali ta’ Spanja jirriżenja wara li nstab ħati li xerred informazzjoni kunfidenzjali

Aqra wkoll

L-Avukat Ġenerali ta’ Spanja ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-kariga wara li l-Qorti Suprema sabitu ħati l-ġimgħa li għaddiet li xerred informazzjoni kunfidenzjali dwar is-sieħeb ta’ persuna prominenti fl-oppożizzjoni.

Din ir-riżenja qed tkun meqjusa bħala daqqa ta’ ħarta għall-Gvern ta’ koalizzjoni tal-Prim Ministru, Pedro Sánchez, li kien ħatar lil Álvaro García Ortiz fl-2022 u ddefenda l-innoċenza tiegħu ripetutament. 

F’ittra li ratha wkoll Reuters, García Ortiz qal li d-deċiżjoni tiegħu li jirriżenja, qabel is-sentenza li tipprojbih milli jokkupa din l-istess kariga għal sentejn, kienet ġejja minn “rispett profond” lejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

“Għalkemm id-deċiżjoni tiegħi toriġina direttament mis-sentenza, jiena konvint li servejt b’fedeltà lill-istituzzjoni li jiena onorat li nappartjeni għaliha, b’vokazzjoni inekwivoka għas-servizz pubbliku, b’sens ta’ dmir u lealtà istituzzjonali,” intqal fl-ittra indirizzata lill-Ministru tal-Ġustizzja, Félix Bolaños.

Ir-riżenja tiegħu kienet waħda mistennija għalkemm il-Qorti Suprema għad trid tagħti r-raġunijiet tagħha għas-sentenza, u García Ortiz jista’ xorta waħda jappella quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ta’ Spanja u fl-aħħar mill-aħħar quddie mil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport