Wednesday, July 24, 2024

“L-avukat li kien jaħdem mal-AĠ u li qed jassisti lil Yorgen Fenech qatt ma ħadem dwar il-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia”

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza, qal fi stqarrija li ħa konjizzjoni tas-sitwazzjoni dwar l-Avukat Charles Mercieca, li kien f’impjieg fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u li wara li temm dan l-impjieg, qed jassisti lis-Sur Yorgen Fenech fi proċedimenti quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja.

Il-Ministeru għamilha ċara li wara l-verifiki kollha mal-istess Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, irriżulta li l-avukat in kwistjoni qatt ma ħadem fuq il-proċessi ġudizzjarji konnessi mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u lanqas ma’ xi proċess konness mas-Sur Fenech.

Madankollu, qal li d-deciżjoni tal-avukat in kwistjoni li jassumi l-patroċinju ta’ Yorgen Fenech f’dan il-mument bikri hi insensittiva.

Il-ministeru, filwaqt li jesprimi d-diżappunt tiegħu, itenni li kien jistenna prudenza u kawtela akbar kemm mill-avukat u mid-ditta legali li hu mar jaħdem magħha.

Finalment, qal li l-Gvern jinsab determinat li jibqa’ għaddej b’riformi istituzzjonali li jsaħħu l-istituzzjonijiet tagħna, u li jassigura li ssir ġustizzja xierqa ma’ kulħadd.

Ekonomija

Sport