Monday, January 6, 2025

L-Avukat ta’ Kaili jgħid li hi mxiet fuq struzzjonijiet tal-President tal-PE dwar il-Qatar

Aqra wkoll

Fil-każ gravi ta’ korruzzjoni li feġġ ftit ilu fil-Parlament Ewropew li wassal ukoll għat-tneħħija tal-MPE Griega Eva Kaili mill-kariga ta’ viċi-president  qed ikomplu jiġu żvelati aktar sitwazzjonijiet fejn iktar persuni allegatament qed ikunu implikati fil-każ. 

Fil-fatt, fid-difiża li qed jagħmel għal Kaili, li hija akkużata li xxaħħmet mill-Qatar, l-avukat tagħha, Michalis Dimitrakopoulos nhar it-Tlieta qal li l-Qatar ma kellux għalfejn ixaħħam lill-MEP Eva Kaili u allega li din kienet qed timplimenta pjan usa’ tal-Unjoni Ewropea u li kienet qed tirċievi ordnijiet mill-President tal-Parlament Roberta Metsola. 

L-uffiċċju ta’ Metsola sadanittant qal lil EURACTIV li l-president tat struzzjonijiet dwar kif tkun rappreżentata l-pożizzjoni tal-parlament ewropew u “xejn aktar”.

Il-Ġimgħa li għadda, Eva Kaili, is-sieħeb tagħha Francesco Giorgi, u l-eks MPE Pier Antonio Panzeri, president tal-NGO Fight Against Impunity, ġew arrestati mill-pulizija Belġjana fuq suspett ta’ korruzzjoni.

B’reazzjoni għal dan, fuq livell politiku, b’maġġoranza kbira, il-Parlament Ewropew keċċa lil Kaili mill-viċi-presidenza.

F’intervista mal-istazzjon MEGA TV Grieg, Dimitrakopoulos filwaqt li qal li Kaili m’għandha x’taqsam xejn mat-tixħim mill-Qatar sostna li dak li għandu jkun jaf il-pubbliku hu li l-Qatar ma kellux bżonn ixaħħam Kaili għax hi marret il-Qatar bħala rappreżentanta tal-Parlament Ewropew u d-diskorsi u l-intervisti li tat saru wara l-ftehim u l-ordni tal-President Roberta Metsola. 

Qal ukoll li hemm dokumenti li juru dan u spjega li Kaili ma ħadet l-ebda inizjattiva u lanqas kellha xi aġenda.

Żied jgħid li Kaili ntbagħtet il-Qatar minn Metsola u dak li kienet se tgħid kellu l-approvazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew. Ma’ Kaili kien intbagħat ukoll l-uffiċjal tal-UE Roberto Bendini biex issegwi l-laqgħat kollha ta’ Kaili.

Skont l-avukat tagħha, Kaili kienet qed twettaq pjan li kien beda fl-2019. Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE Josep Borrell u Kummissarju għall-Affarijiet Interni Ylva Johansson kienu ddeċidew fil-livell tal-Kummissjoni, li jikkooperaw mal-Qatar, il-Kuwajt u Oman.

Meta kkuntattjat minn EURACTIV għal kumment l-uffiċċju ta’ Roberta Metsola qal li l-viċi presidenti għandhom żoni ġeografiċi fejn jirrappreżentaw lill-Parlament Ewropew bħala parti mid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

It-tqassim tal-kompiti tal-viċi presidenti kien miftiehem fil-bidu tal-mandat. Fil-każ ta’ Kaili, kien il-Lvant Nofsani.

“L-istruzzjoni ċara u permanenti lill-viċi presidenti kollha hija li jirrappreżentaw il-pożizzjoni tal-Parlament. Xejn aktar,” żiedet il-kelliem.

Ekonomija

Sport