Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni ħabbar li l-Avukat tal-Istat se jkun qiegħed jappella mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tat il-jedd lill-qattiel tal-Kuntistabbli Roger Debattista li japplika għal parole wara li jkun skonta 25 sena ħabs.
Il-Ministru Attard qal dan fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tal-Whip tal-Gvern Naomi Cachia li staqsiet xi żviluppi kien hemm wara dik is-sentenza.
Dr Cachia qalet li l-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) f’Malta ddeċidiet li l-esklużjoni awtomatika tal-priġunieri ta’ ħajja mill-possibbiltà tal-parole tikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, billi tikkostitwixxi trattament inuman.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Attard qal li “Nifhem li niġi mistoqsi fuq din is-sentenza, però fl-ewwel lok għadna fit-terminu tal-appell. Minn li jien infurmat, l-Avukat tal-Istat, naturalment f’isem l-Istat Malti, se jkun qiegħed jappella minn din is-sentenza.”

