Fi sfond li l-Kunsill Lokali tal-Għargħur sab ruħu jaffaċċja proċeduri legali b’rabta mal-avveniment tal-boxing li kien organizzat fl-2024, u wara li ttieħdu anke pariri legali, ittieħed vot tal-Kunsill li għadda b’maġġoranza biex l-organizzaturi jitħallsu tas-servizz li taw. Dan jista’ jsir wara verifikazzjoni tal-ħlasijiet pendenti.
Is-Sindku Laburista tal-Għargħur Mariah Meli enfasizzat ma’ dan il-ġurnal li billi l-attività saret mingħajr awtorizzazzjoni u mingħajr fondi allokati għaliha, kif jixhdu l-minuti tal-Kunsill, bħala Sindku kellha wkoll l-obbligu li tirrikorri għand il-Ministru li hu responsabbli mill-Gvern Lokali.
“Dan il-ħlas se jsir għaliex l-organizzaturi m’għandhomx ibatu konsegwenzi ta’ nuqqasijiet ta’ terzi u biex jiġi evitat li jittieħdu aktar passi legali li jista’ jkollhom konsegwenzi serji fuq il-likwidità tal-Kunsill. Għalhekk il-ħlas se jsir permezz ta’ self ta’ allokazzjoni mill-istess Ministeru li għalih irid jagħmel tajjeb il-Kunsill minn fondi pubbliċi,” kompliet tgħid is-Sindku Meli.
Sadanittant, hija ħabbret li għaddejjin ukoll diskussjonijiet fuq il-possibiltà li min kien responsabbli u ma mexiex mal-proċeduri jasal fi ftehim biex iħallas lura lill-Kunsill. Qalet li fin-nuqqas ta’ tali qbil, il-Kunsill ma jkollux għażla, ħlief li jipproċedi legalment fil-konfront ta’ dawk responsabbli sabiex jiġu rkuprati l-fondi nkwistjoni.
“Tmexxija serja u b’għaqal waslet biex issa l-organizzaturi se jkunu jistgħu jitħallsu tas-servizz li taw lill-Kunsill u tiġi salvagwardjata l-integrità tal-Kunsill,” temmet tgħid is-Sindku tal-Għargħur