Sunday, March 30, 2025

“L-avviżi tal-UE biex naħżnu l-ikel huma surreali”- Id-Deputat Parlamentari Ewropew Daniel Atard

Aqra wkoll

Proprju din il-ġimgħa ħafna skantaw u oħrajn tħassbu wara avviżi maħruġin mill-Unjoni Ewropea biex il-popli tal-pajjiżi Ewropej jaħżnu l-ikel f’każi ta’ emerġenza.  F’kumment lil IT-TORĊA, id-Deputat Parlamentari Ewropew, Daniel Attard, iddeskriva dawn l-avviżi bħala “surreali”.

Daniel Attard fil-kumment tiegħu qalilna li “dawn l-avviżi li rajna din il-ġimgħa mill-Unjoni Ewropea huma surreali u persważ li qed isiru biss biex jiġġustifikaw in-narrattiva u fuq kollox l-infiq sparpaljat u bla preċedent ta’ €800 biljun  fuq l-armamenti. L-unika mod biex tikkonvinċi lin-nies li din hija xi ħaġa tajba u tant meħtieġa hi billi ddaħlilhom fellus f’moħħhom li għandna l-inkwiet u ninsabu fi gwerra. Issa ejja ngħidu l-fatti kif inhuma. Putin lanqas sa Kiev ma rnexxielu jasal imma jekk tisma’ d-diskors ta’ ċertu Parlamentari Ewropej fil-Kumitat tas-Sigurtà u d-Difiża, taħsbu li qiegħed f’Berlin jew f’Pariġi. Aħna lkoll nafu li din mhux il-verità. Il-ħasra f’dan kollu hi li l-proġett Ewropew kif konna nafuh qabel qed jisfaxxa fix-xejn għax minn Ewropa ta’ tama issa għandna Ewropa li qed tqanqal il-biża’ fost in-nies. Tant hu hekk li jien konvint li dan għadu biss il-bidu u se jkunu qed isiru mossi oħrajn biex ikomplu jbeżżgħu lill-poplu Ewropew filwaqt li jitberbqu l-miljuni fil-pajjiżi Ewropej li jipproduċu l-armamenti, minflok ninvestu fin-nies u fil-koeżjoni soċjali.”

L-Unjoni Ewropea qiegħda tħeġġeġ liċ-ċittadini 

biex jaħżnu provvisti  ta’ ikel f’każi ta’ emerġenza 

Fl-aħħar jiem ġew ippubblikati diversi rapporti li indikaw li l-Unjoni Ewropea qed tibża’ dejjem aktar mit-theddida tal-espansjoni ta’ territorju mir-Russja u mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Ir-rapporti qegħdin jgħidu li f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tippreżenta pjan li jħeġġeġ liċ-ċittadini biex ikunu ppreparati għall-agħar: gwerra jew diżastri klimatiċi. Ir-rapporti jgħid li  għalhekk iċ-ċittadini kollha se jintalbu biex  ikollhom riżervi ta’ ilma, mediċini, batteriji, u ikel biex jgħixu għal mill-inqas 72 siegħa mingħajr assistenza esterna f’każ ta’ gwerra jew, pereżempju, għargħar jew nirien.

Skont l-abbozz ta’ dan il-pjan, li ġie avvanzat, il-Kummissjoni Ewropea ta’ Ursula von der Leyen tipproponi sett ta’ 30 azzjoni strateġika li għandhom jitwettqu b’mod konġunt mill-Istati Membri kollha. Waħda minn dawn hija t-tħejjija ċivili, bil-għan li jiġi żgurat li l-popolazzjoni tkun lesta biex tiffaċċja emerġenza militari jew klimatika. Fil-fatt, f’dokument simili ppreżentat f’Ottubru li għadda, Brussell diġà qieset il-possibbiltà li jippromwovi d-dħul mill-ġdid tas-servizz ċivili jew militari obbligatorju fil-blokk Ewropew kollu.

Barra minn hekk, ir-rapporti qegħdin jgħidu li l-Kummissjoni Ewropea trid ukoll isaħħaħ l-għarfien tekniku militari taċ-ċittadini, kemm żgħażagħ kif ukoll kbar, u jinsisti li n-nisa għandhom jiġu inklużi wkoll. Għalhekk, Brussells tipproponi li l-amministrazzjonijiet tal-istat joffru korsijiet speċjalizzati għaċ-ċittadini kollha u, pereżempju, iwettqu manuvri militari jew ta’ mobilizzazzjoni f’każ ta’ emerġenza klimatika.

Ir-rapport jgħidu li f’dan is-sens, Brussell trid issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jaqsmu r-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom kemm jista’ jkun malajr. “L-Unjoni Ewropea trid tkun kapaċi tuża l-mezzi u l-assi kollha disponibbli,” jgħid id-dokument mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jenfasizza wkoll li l-“iktar punt kritiku” huma l-ewwel mumenti ta’ attakk armat jew katastrofi ambjentali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport