Friday, November 8, 2024

L-Awditur Ġenerali mħasseb dwar il-qagħda finanzjarja ta’ diversi kunsilli

Aqra wkoll

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia r-Rapport Annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fuq il-ħidma tal-gvern lokali matul is-sena 2019. 

Sal-aħħar ta’ Settembru 2020, li kien l-aħħar data ta’ meta kellhom jintbagħtu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji lill-awditur seba’ kunsilli lokali, li huma l-Birgu, Birkirkara, il-Gżira, il-Qrendi, San Pawl il-Baħar, is-Swieqi u x-Xgħajra, kienu għadhom ma ssottomettewx l-audited financial statements lill-Uffiċċju minkejja li dawn kellhom uffiċjalment jintbagħtu sat-12 ta’ Ġunju 2020 peress li din is-sena, id-data  uffiċjali sa meta kellhom jintbagħtu ġiet estiża b’erba’ ġimgħat minħabba l-isfidi ġodda li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19. Attwalment, tnejn u ħamsin kunsill lokali, ħames kunsilli reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali rnexxielhom jibagħtuhom sa din l-aħħar data.

Għal darba oħra l-Uffiċċju jirrikonoxxi l-impenn sħiħ li l-partijiet ewlenin involuti għandhom fit-tfassil ta’ sistemi bbażati fuq kollaborazzjoni kollettiva sabiex l-awtoritajiet lokali flimkien mal-ammistrazzjoni jindirizzaw l-isfidi lokali. Madanakollu dan l-uffiċċju jisħaq li  hemm bżonn ta’ titjib f’ċerti oqsma speċifiċi minħabba l-fatt li xi nuqqasijiet ġew irrappurtati repetutament f’dawn l-aħħar snin. Dawn jinkludu monitoraġġ tal-assi fissi mhux adekwat, nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri statutorji ta’ rapportar,  xiri mhux skont ir-regolamenti u kotba tal-kontabilità mhux dejjem aġġornati kif suppost.

Ta’ tħassib huwa wkoll il-fatt li: l-awditur ma setax jesprimi l‑opinjoni ta’ verifika tiegħu dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji  kif preżentati mill-kunsilli lokali tal-Kalkara u tal-Belt Valletta minħabba nuqqas ta’ rekords finanzjarji u dokumentazzjoni oħra. Ta’ tħassib hu l-fatt li r-rapport awditjati ta’ ħamsa u erbgħin (45) awtoritajiet lokali oħra ġew kwalifikati minħabba li ma kienx hemm evidenza suffiċjenti. Ta’ tħassib ukoll hu l-fatt  li ħdax-il (11) kunsill lokali rrappurtaw working capital negattiv. Dan ifisser li tali kunsilli mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu mal-obbligi finanzjarji tagħhom fil-futur qrib. Intqal li hu ta’ tħassib ukoll li għaxar  awtoritajiet lokali ma ssottomettewx ir-risposta tagħhom għall-management letter sal-aħħar ta’ Settembru 2020.

Ir-rapport jagħmel analiżi b’mod dettaljata filwaqt li jipproponi rakkomandazzjonijiet bil-għan li dawn in-nuqqasijiet, li flimkien ma’ oħrajn ġew identifikati mill-awdituri privati tal-gvern lokali wara li dawn raw b’reqqa l-istatements finanzjarji ppreparati mill-awtoritajiet lokali, jiġu indirizzati.

Sport