Il-Partit Nazzjonalista għandu jiġi ġġudikat mhux fuq il-kliem sabiħ u l-wegħdiet fl-ajru li llum faċilment jagħmel Bernard Grech. Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun iġġudikat fuq dak li kien jitwettaq fis-snin li għamel fil-gvern qabel is-sena 2013. Iktar u iktar għax Bernard Grech innifsu ma jiddejjaq xejn jiddikjara li jrid li l-pajjiż jerġa’ jmur lura lejn is-snin ‘glorjużi’ ta’ qabel is-sena 2013.
Bernard Grech iħobb ħafna jsemmi l-‘persons of trust’. Jagħti l-impressjoni li dawn tfaċċaw wara s-sena 2013. Il-verità iżda hija ħafna ‘lbogħod minn hekk. Qabel is-sena 2013, fi żmien fejn Grech jagħmel minn kollox sabiex jagħti l-impressjoni li kollox kien isir bi trasparenza liema bħalha, il-persons of trust mhux talli kienu jeżistu, talli meta f’sena partikolari l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali investiga x’kien qiegħed jiġri fis-Segretarjat Privat tal-Ministru Louis Galea, instabu abbużi kbar.
X’kien sab ir-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali ?
- Fis-Segretarjat Privat ta’ Louis Galea kien hemm 33 uffiċjal jaħdmu, tlettax iktar minn numru stipulat bir-regolamenti tal-gvern waqt li n-numru ta’ karozzi fl-istess Segretarjat għall-użu ġenerali kien ta’ 4 meta suppost kien ta’ 2.
- Il-karozzi li suppost kienu għall-użu ġenerali f’ħafna okkażjonijiet kienu qed jintużaw minn membri ta’ l-istaff fis-Segretarjat Privat wara l-ħin tax-xogħol, anki jekk min kien qed jużahom ma kellu ebda dritt jagħmel dan.
- Uffiċjal fis-Segretarjat Privat ta’ Louis Galea kien qiegħed jitħallas allowance għal fjuwil fuq karozza privata meta fl-istess ħin kien qiegħed jagħmel użu minn karozza tal-gvern bl-ispejjeż kollha imħallsa.
- Uffiċċjal ieħor fis-Segretarjat Privat li kienet taħdem fuq bażi ta’ ‘reduced hours’ tħallset għal overtime meta r-regolamenti tal-gvern kienu jispeċifikaw li impjegati li jaħdmu ‘sigħat imnaqqsa’ m’għandhomx dritt li jitħallsu għal sahra.
- Konsulent fis-Segretarjat Privat tħallas żejjed xahar salarju, fl-istess ħin li t-taxxa dovuta minnu ġiet ikkalkulata ħażin.
- Konsulent ieħor kien qed jitħallas id-doppju ta’ kemm kien suppost.
- Uffiċjal partikolari fis-Segretarjat Privat ta’ Louis Galea talab li jitħallas għal sahra f’ħinijiet meta ma kellux dritt għalih
- Impjegata ffirmat f’numru ta’ okkażjonijiet iktar sajra minn kemm fil-fatt ħadmet u għalhekk tħallset iktar minn kemm suppost. Il-ħlasijiet li din l-impjegata irċeviet f’overtime kienu jammontaw għal aktar min-nofs is-salarju bażiku tagħha.
- Messaġġier fis-Segretarjat Privat ta’ Louis Galea tħallas ta’ sahra meta mill-lista ta’ l-attendenza irriżulta bl-iktar mod ċar li ma kien hemm xejn x’jindika li dan il-messaġġier fir-realtà ħadem din is-sahra.
Kollox jindika li Louis Galea kien wieħed minn dawk li fis-sena 2020 kien imbotta fil-miftuħ biex Bernard Grech jieħu post Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt il-konfoffa li kienet inħadmet minn 17 Blue Heroes. Illum Grech bla mistħija moħħu biex jippontifika dwar kemm f’daqqa waħda l-persons of trust saru s-sors tal-ħażen kollu immaġinabbli. Is-sabiħa hija li l-iktar persuna viċin tiegħu, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello huwa person of trust sal-lum bħala Assistent Personali tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Anki l-persuna li Grech qabbad biex jikteb il-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss – George Vital Zammit fi żmien GonziPN kien ‘person of trust’ mas-Segretrarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport. Hemm imbagħad erba’ deputati Nazzjonalisti li qabel is-sena 2013 ukoll kienu jaħdmu fis-Segretarjati Privati tal-Ministri bħala ‘persons of trust’ – Claudette Buttigieg mal-Ministru tas-Saħħa, Ryan Callus mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Robert Cutajar ma’ Gonzi nnifsu u Karol Aquilina kien ‘person of trust’ f’Kastilja, taħt Eddie Fenech Adami u taħt Lawrence Gonzi.
Mill-Oppożizzjoni, Bernard Grech mhux biss ma jiddejjaq xejn jibqa’ jiddefendi lil GonziPN, anzi ddikjara iktar minn darba li pajjiżna għandu jmur lura għat-tmexxija li kienu joffru gvernijiet Nazzjonalisti qabel is-sena 2013. Dan ifisser li jreġġa’ l-arloġġ lura lejn dak li kien sab l-Awditur fis-Segretarjat Privat ta’ Louis Galea. Dan mhux biss hu irresponsabbli izda wkoll perikoluż.