Saturday, October 26, 2024

L-Awstralja bl-aktar temperaturi għolja għax-xahar ta’ Novembru

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kontinent Awstraljan għaddej minn perjodu ta’ sħana rekord fejn għadha kemm ħabbret li kellha l-aktar lejl sħun għax-xahar ta’ Novembru b’temperaturi li laħqu l-40 grad Celcius matul il-jum tal-Ħadd. It-temperatura minima li ħutna l-Maltin fl-Awstralja esperjenzaw tul dan il-lejl rekord kienet ta’ 25.4C u din hija kuntrast għalina l-Maltin li f’dawn l-aħħar jiem bdejna bl-istaġun tax-xita.

Din it-temperatura għolja fid-Down Under wasslet biex is-servizz ta’ kontra n-nirien fi New South Wales ħareġ ordni li ma jitqabbadx nar f’diversi partijiet tal-istat.

Il-ħaddiema ta’ kontra t-tifi tan-nar diġà qegħdin f’ħidma biex jiġġieldu nirien li nfirxu fl-istat. It-temperaturi fi tmiem din il-ġimgħa telgħu anke f’diversi partijiet oħra tal-pajjiż u dawn jinkludu n-Nofsinhar tal-Awstralja u Victoria.

Temperaturi aktar għolja mistennija jolqtu lil dan il-kontinent minn nhar it-Tlieta li ġej u dan minkejja li l-istaġun tas-sajf jibda uffiċjalment fi ftit ġranet oħra.

Andrew Watkins, uffiċjal tal-istudji meteoroloġiċi, qal li Novembru kien pjuttost differenti mis-soltu. “F’dan ix-xahar kellna madwar nofs ix-xita tas-soltu u huwa possibbli ħafna li dan se jkun wieħed mill-aktar xhur sħan li qatt kellna fl-istorja,” sostna Watkins.

Dan it-tmiem tal-ġimgħa kien l-ewwel wieħed li fih seħħew in-nirien magħrufa bħala l-bushfires minn mindu ġew fi tmiemhom is-sena l-oħra. Fl-istaġun tal-bushfires tas-sena l-oħra, l-Awstralja sofriet devastazzjoni liema bħalha meta ntilfu aktar minn 24 miljun ettari ta’ siġar u art, kif ukoll miljuni ta’ annimali minn speċi differenti.

Sport