Saturday, November 23, 2024

L-Awstralja f’riċessjoni għall-ewwel darba f’29 sena

Aqra wkoll

Ċifri li ġew ippubblikati llum juru li bejn Jannar u Marzu l-PDG tal-Awstralja kien negattiv u dan ifisser li l-pajjiż issa jinsab f’riċessjoni. 

Din hi l-ewwel darba li l-Awstralja daħlet f’riċessjoni fl-aħħar 29 sena, fejn il-PDG f’Marzu naqas b’0.3%. 

Għalkemm s’issa għadhom mhux magħrufin iċ-ċifri ta’ Ġunju, xorta jidher li minħabba l-impatt tal-Coronavirus se jkun hemm tkabbir negattiv fl-ekonomija ta’ dan il-kontinent. 

Li wieħed irid jistaqsi hu kemm se tkun gravi s-sitwazzjoni. 

It-teżorier Joseph Frydenberg qal li skont l-informazzjoni li ngħata mid-Dipartiment tat-Teżor kien li f’Ġunju se tkun sitwazzjoni negattiva. 

Min-naħa l-oħra, meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fid-dinja, l-Awstralja mhix f’sitwazzjoni daqshekk ħażina u dan l-aktar meta mqabbla ma’ pajjiżi żviluppati. Jingħad li l-Awstralja kienet f’pożizzjoni fiskali tajba qabel ma ffaċċjat il-pandemija u għalhekk tista’ tagħti stimolu lill-ekonomija, aktar milli jistgħu jagħmlu ħafna pajjizi fid-dinja. 

Madankollu, l-esperti ekonomiċi fl-Awstralja jbassru li din ir-riċessjoni mhix se tkun waħda li ttul ħafna, bħal dik ta’ bejn l-2008 u l-2009. Spjegaw li dan kien biss waqfien mill-attività ekonomika u għalhekk minn issa diġà bdew jaraw titjib fl-infiq mill-konsumaturi. 

Sport