Partijiet mill-Awstralja se jiffaċċjaw kundizzjonijiet katastrofiċi ta’ nirien f’dawn il-jiem meta mewġiet ta’ sħana qawwija qed jolqtu l-biċċa l-kbira tal-pajjiż. Mewġiet ta’ sħana, minn severi sa estremi, ġew iddikjarati f’kull stat u territorju fl-Awstralja, ħlief Queensland, b’temperaturi għoljin imbassra għal jiem sħaħ.
L-istat ta’ Victoria ddikjara projbizzjoni totali tan-nar peress li l-klassifikazzjoni tal-periklu tan-nirien se tkun stabbilita għal “katastrofiku” li hu l-ogħla livell. Madwar 450 skola u ċentru tal-kura tat-tfal b’konsegwenza se se jingħalqu.
It-taħlita ta’ mewġiet ta’ sħana u periklu elevat ta’ nirien f’partijiet tal-pajjiż tista’ tmur għall-agħar billi toħloq l-aktar kundizzjonijiet sinifikanti.
Ilbieraħ, il-pumpieri kellhom jissieltu kontra diversi nirien f’Victoria u New South Wales (NSW), b’numru ta’ ajruplani li jġorru l-ilma ġew imsejħa biex jindirizzaw nirien kbar ħdejn il-belt ta’ Wodonga.
Melbourne esperjenzat l-iktar ġurnata sħuna tagħha f’sitt snin nhar l-Erbgħa b’temperatura massima ta’ kważi 41C, filwaqt li xi bliet kostali fl-Awstralja tal-Punent laħqu d-49C.
F’NSW, il-mewġa tas-sħana hija mistennija tilħaq il-quċċata tagħha għada s-Sibt b’Sydney tiffaċċja temperatura massima ta’ 42C filwaqt li żoni tal-Awstralja tan-Nofsinhar u l-Awstralja tal-Punent mistennija jesperjenzaw temperaturi ta’ aktar minn 40C fil-jiem li ġejjin.
L-Erbgħa li għadda kienet l-ewwel mewġa ta’ sħana sinifikanti għal Melbourne u Adelaide, fejn jgħixu miljuni ta’ nies, bil-kundizzjonijiet tan-nirien mistennija jiggravaw aktar.
Ġie rrapportat li r-riħ se jissaħħaħ madwar Victoria flimkien ma’ maltempati bir-ragħad u bi ftit xita u sajjetti filwaqt li l-periklu tan-nar se jilħaq livelli katastrofiċi għall-partijiet tat-Tramuntana ta’ Victoria.
Dan jidher li huwa l-aktar avveniment sinifikanti fuq livell ta’ diversi jiem għax-xlokk intern tal-Awstralja mill-2019 lil hawn.
Dak il-perjodu sitt snin ilu ra l-aktar staġun sever ta’ nirien irreġistrat fl-Awstralja, ’l hekk imsejjaħ Sajf l-Iswed fejn għexieren ta’ nies mietu u eluf ta’ ettari ta’ art inħarqu.
L-iskala tal-klassifikazzjoni tal-periklu tan-nar tal-Awstralja għandha erba’ livelli, fejn katastrofiku huwa l-ogħla livell, segwit minn estrem, għoli u baxx. Mewġa ta’ sħana tiġi ddikjarata meta t-temperaturi minimi u massimi jkunu għoljin b’mod mhux tas-soltu għal tlett ijiem konsekuttivi jew aktar.



