Monday, December 23, 2024

L-Awstralja tiftaħ il-fruntieri tagħha wara kważi sentejn

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Awstralja fetħet il-fruntieri tagħha għall-ewwel darba fi kważi sentejn. Din id-deċiżjoni wasslet għal mumenti ta’ ferħ kbir bejn il-qraba li kien ilhom ma jiltaqgħu u mistennija sservi ta’ stimolu għat-turiżmu.

Dan il-pajjiż kellu fost l-aktar miżuri ibsin fejn jidħol l-ivjaġġar wara li għalaq il-fruntieri tiegħu għal kollox f’Marzu 2020 minħabba l-Covid-19.

Xi Awstraljani u persuni oħra tħallew jirritornaw is-sena li għaddiet, iżda ħafna mill-barranin kellhom jistennew.

Fl-ajruporti ma setgħux jonqsu mumenti ta’ emozzjoni kbira hekk kif mijiet ta’ persuni bdew jaslu lura fil-pajjiż. Fost dawn il-mumenti kien hemm dak taċ-ċkejkna Charlotte wara li dehret tgħannaq lil nannuha b’għafsa liema bħala. Hija qalet lill-midja li ħasset bil-wisq in-nuqqas tiegħu u li kien ilha tistenna dan il-mument għal xhur sħaħ.

Dawk li huma mlaqqmin kompletament mhumiex qegħdin ikunu mitlubin joqogħdu fi kwarantina, iżda dawk li mhumiex imlaqqmin jeħtieġ li jibqgħu fi kwarantina ġo lukanda għas-spejjeż tagħhom għal 14-il jum.

Aktar minn 50 titjira internazzjonali kellhom jagħmlu l-inżul tagħhom it-Tnejn. Il-passiġġieri se jkunu qegħdin jidħlu minn kull parti minbarra l-Awstralja tal-Punent li se tkun qiegħda tiftaħ fit-3 ta’ Marzu għal dawk biss li huma mlaqqmin bit-tliet dożi.

Ekonomija

Sport