Monday, December 9, 2024

L-Awstralja tipprojbixxi l-użu tal-midja soċjali għal tfal taħt is-16-il sena… L-ewwel liġi ta’ din ix-xorta fid-dinja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-midja soċjali, li llum hija parti integrali ta’ ħajjitna, tista’ toffri benefiċċji bħall-bini tal-komunità u l-espressjoni kreattiva. Iżda, hemm ir-riskji u aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin nirrealizzaw kemm użu eċċessiv jew mhux superviżjonat, jista’ jkun ta’ ħsara. Dan b’mod partikolari għal gruppi ta’ persuni f’etajiet vulnerabbli.

Studji u riċerki li saru fuq l-effetti mill-użu tal-midja soċjalai fuq tfal u adoloxxenti, sabu li kważi nofs iż-żagħżagħ stess jgħidu li l-midja soċjali taffettwahom b’mod negattiv fil-mod kif jaraw id-dehra fiżika tagħhom mentri, 54% minnhom irrappurtaw stima personali (self-esteem) aktar baxxa minħabba interazzjonijiet onlajn.

Dan il-periklu ġie rikonoxxut u ttieħdu passi fl-Awstralja fejn din il-ġimgħa approvat l-ewwel liġi tax-xorta tagħha fid-dinja li tipprojbixxi użu tal-midja soċjali għal tfal u adoloxxenti taħt is-16-il sena. Il-pjattaformi li se tapplika għalihom din il-liġi huma fost l-oħrajn Instagram, X u Snapchat.

Huwa ppjanat li sal-aħħar tal-2025 huma biss l-Awstraljani ta’ ‘l fuq minn 16-il sena li se jkollhom aċċess għall-midja soċjali. B’dan il-pass il-kumpaniji kbar tat-teknoloġija jistgħu jeħlu multi ta’ ftit aktar minn €30 miljun jekk ma jkunux konformi. Quddiem dan kollu, gruppi għad-drittijiet tat-tfal qegħdin jopponu din il-liġi l-ġdida mentri l-ġenituri huma favur.

Perjodu ta’ prova… Sena wara tidħol fis-seħħ

In-nazzjon Awstraljan jinsab f’dibattitu sħiħ dwar il-liġi approvata fil-Parlament il-Ħamis li għadda. Fl-istess ħin, il-bqija tad-dinja għandha ħarsitha lejn dan il-kontinent b’pass li ħadd qabel ma kellu l-kuraġġ jew interess li jagħmlu. 

Il-liġi titlob li l-kumpaniji l-kbar minn Instagram sa Facebook u TikTok għandhom iwaqqfu milli minuri jkollhom aċċess għall-pjattaformi tagħhom inkella jeħlu multa biz-zalza, multi bil-miljuni li żgur wieħed irid jevita. L-Awstralja tant qiegħda tieħu bis-serjetà din il-projbizzjoni li f’Jannar li ġej se tniedi perjodu ta’ prova tal-infurzar tal-liġi li se tidħol fis-seħħ fi żmien sena.

L-approvazzjoni ta’ din il-liġi fil-Parlament Awstralljan hija kkonsidrata bħala rebħa politika għall-Prim Ministru Anthony Albanese li se jkollu elezzjoni fl-2025 proprju f’perjodu li fih kien qiegħed inaqqas il-popolarità tiegħu fost l-elettorat. Din il-projbizzjoni għandha oppożizzjoni minn xi gruppi li jaħdmu favur id-drittijiet tat-tfal però, mill-aħħar stħarriġ li sar fir-rigward, 77% tal-popolazzjoni Awstraljana, riedha tidħol fis-seħħ. 

Il-ħsieb ta’ din il-liġi beda wara inkjesta parlamentari li saret din is-sena li fiha nstemgħu xiehda ta’ ġenituri ta’ tfal li weġġgħu lilhom infushom minħabba li kienu vittmi ta’ ibbuljar. Tajjeb li nsemmu li l-midja lokali tat l-appoġġ taħha lill-projbizzjoni b’kampanja intitolata “Let Them Be Kids” (ħalluhom ikunu tfal).

Implikazzjonijiet soċjali u psikoloġiċi

L-użu tal-midja soċjali fost it-tfal taħt is-16-il sena huwa tħassib dejjem jikber u dan mhux fil-każ tal-Awstralja biss. Dan minħabba l-implikazzjonijiet soċjali u psikoloġiċi sinifikanti tiegħu. Studji reċenti jipprovdu stampa dettaljata tal-isfidi u r-riskji assoċjati ma’ din it-tendenza. Fil-fatt, fir-rigward ir-riċerkaturi jsostnu li użu ta’ dan il-mezz għandu impatt fuq is-saħħa mentali. L-adolexxenti li jqattgħu aktar minn tliet sigħat kuljum fuq il-midja soċjali għandhom ċans doppju li jesperjenzaw kwistjonijiet ta’ saħħa mentali bħad-dipressjoni u l-ansjetà. 

Is-Cyberbullying imbagħad, huwa kwistjoni prevalenti oħra. Dan it-tip ta’ abbuż jaffettwa sa 75% tal-adoloxxenti, bl-akbar ammont ta’ vittmi jkunu l-bniet adolexxenti u żgħażagħ LGBTQ+. Dawn l-esperjenzi spiss jikkorrelataw mad-dipressjoni u l-ansjetà. 

Problemi oħra assoċjati ma’ użu eċċessiv tal-midja soċjali qegħdin jirrriżultaw fit-tendenzi li l-adoloxxenti jaqgħu f’vizzju. Dan għax l-użu eċċessiv, spiss immexxi minn algoritmi li jimmassimizzaw l-impenn, jirriżulta li jistimula żżejjed il-moħħ. Dan iwassal għal formazzjoni ta’ drawwiet u dipendenza komparabbli ma’ vizzji oħra, b’aktar minn 50% tal-adoloxxenti jammettu li jkun ta’ sfida li jitnaqqas l-użu tagħhom.

Waħda mill-aktar affarijiet li tinkwieta lill-ġenituri u magħhom il-professjonisti li fix-xogħol tagħhom ikollhom kuntatt mat-tfal hija l-espożizzjoni għal kontenut ta’ ħsara. Ħafna tfal jiltaqgħu maʼ materjal mhux xieraq, inkluż li jweġġgħu lilhom infushom (self harm), disturbi fl-ikel bħalma hija l-anoressija u diskors ta’ mibegħda. B’mod allarmanti, studju minn Yale Medicine rrapporta li 64% tal-adolexxenti huma regolarment esposti għal kontenut ibbażat fuq il-mibegħda. Xi ħaġa li, sfortunament, aħna l-adulti wkoll inkunu fuq il-midja soċjali u b’aċċess għall-apparat teknoloġiku ta’ wliedna, qegħdin naraw.

Il-perikli jkomplu fejn minn każijiet irrapportati nafu li pjattaformi tal-midja soċjali jistgħu wkoll jiffaċilitaw imġieba predatorja, b’riskji sinifikanti ta’ sfruttament u fastidju għall-minuri innoċenti. Mentri, l-użu tal-midja soċjali qabel l-irqad huwa komuni, b’terz tal-adolexxenti jużaw apparat sa nofs il-lejl. Dan jikkontribwixxi għal kwalità fqira ta’ rqad li jħalli impatt negattiv fuq is-saħħa emozzjonali u l-prestazzjoni akkademika tagħhom.

Tfal u adoloxxenti qegħdin jagħżlu li jqattgħu l-ħin tagħhom fuq il-midja soċjali u jwarrbu l-iskola. Sitwazzjoni verament inkwetanti hekk kif il-vjaġġ edukattiv ta’ miljuni ta’ tfal u adoloxxenti madwar id-dinja qiegħed jintilef.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport