L-Awstralja qalbet deċiżjoni li kienet ħadet erba’ snin ilu meta kienet irrikonoxxiet lil Ġerusalem tal-Punent bħala l-kapitali ta’ Iżrael. Id-deċiżjoni tal-Gvern Awstraljan fl-2018 kienet dgħajfet il-prospetti tal-paċi u poġġiet lill-Awstralja f’kontradizzjoni ma’ nazzjonijiet oħra.
Wara d-deċiżjoni li tħalli l-ambaxxata tagħha f’Tel Aviv, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Penny Wong saħqet li l-Awstralja se tibqa ħabib sod ta’ Iżrael.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Yair Lapid ġie kkwotat li qal li fid-dawl tal-mod li bih ittieħdet din id-deċiżjoni fl-Awstralja bħala tweġiba mgħaġġla għal rapport skorrett fil-midja, l-Iżrael jittama l-gvern Awstraljan jamministra kwistjonijiet oħra b’mod aktar serju u professjonali.
L-istatus ta’ Ġerusalem huwa wieħed mill-aktar kwistjonijiet ikkontestati bejn Iżrael u l-Palestinjani, iżda Iżrael iqis lil Ġerusalem bħala li hija l-kapitali eterna u magħquda u xejn mhu se jbiddel dan.
L-eks President Amerikan Donald Trump kien ġie kritikat severament fil-fora internazzjonali fl-2017 meta reġġa’ lura għexieren ta’ snin ta’ politika barranija Amerikana billi rrikonoxxa l-belt antika bħala l-kapitali ta’ Iżrael. L-ambaxxata tal-Istati Uniti ġiet rilokata minn Tel Aviv għal Ġerusalem f’Mejju tal-2018.
Xhur wara, il-Prim Ministru tal-Awstralja ta’ dak iż-żmien Scott Morrison ħabbar li l-gvern tiegħu kien se jsegwi l-istess. Dak iż-żmien, Morrison qal li l-Awstralja tirrikonoxxi lil Ġerusalem tal-Punent immedjatament iżda mhux se tmexxi l-ambaxxata tagħha minn Tel Aviv sakemm tintlaħaq ftehim ta’ paċi.