Għal darb’oħra l-Awstraljana Kaylee McKeown kienet b’saħħitha wisq għar-rivali tagħha hekk kif rebħet fil-finali tan-nisa tal-200m backstroke. Hija għamlitha double-double wara li kisbet it-titli tal-100m u tal-200m f’Tokjo, fejn irreplikat l-bravura fil-kapitali Franċiża.
McKeown kisbet il-ħames midalja tad-deheb Olimpiku tagħha u t-tieni f’Pariġi biex spiċċat quddiem Regan Smith tal-Istati Uniti u Kylie Masse tal-Kanada, li spiċċaw t-tieni u t-tielet rispettivament.
Is-sensazzjoni Awstraljana wettqet pjan perfett mill-ħames lane u daħlet fil-vantaġġ biss fl-aħħar 50m wara li kienet it-tielet fin-nofs, u stabbiliet rekord Olimpiku ġdid hekk kif saret l-ewwel Awstraljana li rebħet erba’ midalji tad-deheb individwali.
McKeown rebħet fil-ħin ta’ 2:03.73 waqt li Smith ħadet il-fidda f’2:04.26 u Masse l-bronż f’2:05.57.