Thursday, December 26, 2024

L-awtiżmu

Aqra wkoll

Kollaborazzjoni miġjuba lilkom minn Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, BSC (Hons) Rad; M.D. (Radjografa u Tabiba); Dr Etienne Grech, MMCFD, MP (Tabib tal-Familja u Membru Parlamentari); u Dr. Madeline Duca, B.Psy (Hons) (Melit.), D.EdPsy (Lond.) (Psikologa fl- ambitu tal-Edukazzjoni, t-Tfal u ż-Żgħażagħ, li tagħmel parti wkoll mit-tim ta’ Therapy Works clinic)

X’inhi eżatt l-kundizzjoni tal-awtiżmu, u minn meta tista’ ssir id-dijanjosi?

L-awtiżmu, jew l-“Autism Spectrum Disorder” (ASD), jirreferi għal firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet ikkaratterizzati minn disturbi ta’ ħiliet soċjali, imġieba ripetittiva, u diffikultà fid-diskors u komunikazzjoni mhux verbali.  

Huwa magħruf li m’hemmx tip wieħed t’awtiżmu iżda diversi sottotipi, li huma l-iktar influwenzati minn taħlita ta’ fatturi ġenetiċi u ambjentali. għaldaqstant, minħabba li l-awtiżmu jinfirex f’forma ta’ spettru, kull persuna bl-awtiżmu għandha sett distint ta’ diffikultajiet jew sfidi li trid taffaċċja.

Il-modi li bihom nies bl-awtiżmu jitgħallmu, jaħsbu u jsolvu l-problemi jistgħu jvarjaw minn kapaċità għolja għal sfidi severi. Xi nies bl-awtiżmu jistgħu jeħtieġu appoġġ sinjifikanti fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, filwaqt li oħrajn jistgħu jkollhom bżonn inqas appoġġ u f’xi każijiet, jgħixu kompletament b’mod indipendenti.

Indikaturi kliniċi tal-awtiżmu ġeneralment jibdew jidhru minn sentejn jew tliet snin. Xi dewmien fl-iżvilupp tat- tfal jista’ jidher saħansitra aktar kmieni, u għaldaqstant, jista’ jkun li ssir id-dijanjosi iktar kmieni, mit-18-il xahar tal-ħajja. Ir-riċerka turi li l-intervent bikri eventwalment iwassal għal riżultati pożittivi aktar tard fil-ħajja għal nies bl-awtiżmu. 

Il-kawża eżatta ta’ disturbi fl-ispettru tal-awtiżmu għadha mhux magħrufa, iżda m’hemm ebda evidenza li t-titqiba tal-MMR li tingħata kmieni lit-trabi kollha għanda xi rwol fil-kaġun tal-awtiżmu.

Lil min l-iktar li tolqot din il-kundizzjoni, u x’inhuma s-sintomi? 

Id-disturbi fl-ispettru tal-Awtiżmu huma firxa ta’ disturbi tal-iżvilupp newro-soċjali li huma kkaratterizzati prinċipalment minn nuqqasijiet fil-funzjoni soċjali u diffikultajiet fil-komunikazzjoni.

Is-sintomi jistgħu jinkludu enfasi intensa fuq oġġett wieħed, nuqqas ta’ rispons, nuqqas ta’ ftehim għas-sejħa ta’ bżonnijiet (bħat-ton tal-vuċi jew tal-lingwa tal-ġisem), movimenti riġidi jew ripetittivi, jew imġieba awto-abbużiva bħat-tisbit tar-ras, jew insistenza għal rutina jew modi ta’ kif isiru ċerti affarijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Is-severità ta’ dawn is-sintomi jaf tvarja fost l-individwi affettwati. 

Sintomi oħra jaf jinkludu li titgħallem titkellem relattivament tard, li ma jilagħbux b’mod interattiv ma’ tfal oħra, l-evitar ta’ kuntatt mal-għajnejn, in-nuqqas ta’ empatija, u l-iżolazzjoni soċjali. 

Tfal bl-awtiżmu li ma jiżviluppawx ħiliet lingwistiċi biżżejjed jistgħu jaġixxu wkoll bi twerżiq jew biki, biex jesprimu l-bżonnijiet tagħhom. Huwa importanti li wieħed jinnota li n-nies li għandhom l-awtiżmu jistgħu jvarjaw ħafna fil-livell ta’ funzjonament tagħhom, u mhux in-nies kollha li għandhom din il-kundizzjoni jesperjenzaw is-sintomi kollha elenkati. 

Is-sintomi bikrija u s-sinjali fit-trabi jistgħu jvarjaw, iżda jistgħu jinkludu tnaqqis ta’ kuntatt mal-għajnejn billi jkunu ffokati żżejjed fuq oġġett wieħed, u nuqqas ta’ reċiprokazzjoni fil-logħob sempliċi. Tfal żgħar ħafna jistgħu juru sintomi bikrija bħal telf ta’ interess f’kuntatti soċjali u nuqqas ta’ interazzjoni mal-ġenituri.

Diversi fatturi jistgħu jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-awtiżmu, li spiss ikunu akkumpanjati ma’ kundizzjonijiet mediċi oħra bħal problemi gastrointestinali, aċċessjonijiet jew diffikultà fl-irqad, kif ukoll sfidi tas-saħħa mentali bħal ansjetà, dipressjoni u nuqqas ta’ attenzjoni. 

Kif nistgħu nikkombattu l-effetti negattivi tal-iżolazzjoni soċjali li ġabet magħha l-imxija tal-Covid-19, fuq persuni li jbatu bl-awtiżmu?

Din ir-rutina ġdida hija stressanti għal kulħadd, imma b’mod speċjali għal dawk it-tfal u ż-żgħażagħ kollha bl-awtiżmu li jsibu diffikultà jaċċettaw ċerti bidliet fir-rutini tagħhom. Għaldaqstant, huwa importanti li l-ġenituri jsibu l-ħin biex jgħinu lit-tfal tagħhom jifhmu x’inhu jiġri, u x’għandhom jistennew li jiġri minn ġurnata għall-oħra. Dan jista’ jgħin lit-tfal jaddattaw u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom waqt dan iż-żmien ta’ isolazzjoni.

Tfal bl-awtiżmu jistgħu jsibu problemi biex jifhmu x’ikun għaddej, jew minħabba diffikultajiet fil-lingwa u komunikazzjoni, ma jkunux jistgħu jesprimu l-biżgħat jew il-frustrazzjonijiet tagħhom. B’hekk huwa importanti li l-ġenituri jitkellmu mat-tfal tagħhom dwar il-Covid-19 b’mod sempliċi li t-tfal jew iż-żgħażagħ jistgħu jifhmu. L-ispjegazzjoni għandha tkun ċara, qasira, diretta u onesta. Bħal per eżempju: “Il-coronavirus huwa mikrobu. Jikkaġuna l-marda tal-Covid-19. Jista’ jagħmel lin-nies morda ħafna. Għandna bżonn nibqgħu d-dar biex inkunu f’saħħitna”. Imbagħad, jfehmuhom li t-tfal kollha qegħdin jibqgħu d-dar, ‘il bogħod mill-iskola, jagħmlu x-xogħol tal-iskola mid-dar u li ċerti attivitajiet jew safar se jkollhom jiġu posposta. 

L-iżolazzjoni soċjali ħolqot ukoll sfidi ġodda għall-familji bi tfal jew żgħażagħ bl-awtiżmu għaliex ħafna jkollhom bżonn servizzi u terapiji speċjalizzati, bħal programmi edukattiv individwali, terapija għall-imġieba, għal-lingwa jew terapija fiżika. Minħabba li ħafna mit-tfal jesebixxu diffikultajiet fil-komunikazzjoni, dawn it-tip ta’ servizzi jew terapiji diffiċli jsiru b’mod virtwali jew minn fuq l-internet. B’hekk il-ġenituri qegħdin isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn iridu jokkupaw kemm l-irwol ta’ ġenituri, iżda anke’ ta’ għalliema u assistenti, filwaqt li jkomplu jikkumbattu sfidi oħrajn; relatati ma’ nuqqas jew telf ta’ xogħol, jew li jżommu l-bilanċ bejn l-impjieg u xogħol tad-dar. Għaldaqstant, huwa importanti li l-ġenituri jduru għall-għajnuna jekk iħossu l-bżonn, billi jżommu kuntatt mal-professjonisti li normalment jgħinuhom fit-trobbija u t-tagħlim tat-tfal, fosthom l-għalliema jew “Learning Support Eduċators”, jew professjonisti f’oqsma oħrajn. 

Importanti wkoll li l-ġenituri u t-tfal jżommu l-kuntatt, permezz tat-telefonati jew vidjows, mal-qraba u mal-ħbieb tagħhom. Dan huwa ferm iktar importanti għat-tfal u z-żgħażagħ bl-awtiżmu, li jkunu qed jiffaċċjaw diversi sfidi biex jibnu u jiżviluppaw ir-relazzjonijiet soċjali tagħhom.

Hemm xi metodi li huma rrakommandati għall-persuni bl-awtiżmu sabiex jippromwovu l-ħasil tal-idejn spiss, li jdum minn tal-inqas 20 sekonda, u kif ukoll biex japplikaw il-miżuri ta’ distanza soċjali? 

Tfal bl-awtiżmu jista’ jkollhom bżonn iktar għajnuna biex jifhmu x’qiegħed jiġri madwarhom u x’inhu mistenni minnhom f’ċertu sitwazzjonijiet.

“Social stories” (Stejjer soċjali) huma stejjer li jgħallmu lit-tfal x’jiġri f’ċerti sitwazzjonijiet, u li jirrakkontaw lit-tfal x’għandhom jagħmlu huma stess f’dawk is-sitwazzjonijiet. L-istejjer jinvolvu ħafna stampi relatati mal-istorja in kwistjoni. L-użu ta’ dawn l-istejjer, stampi, jew metodi viżwali oħrajn jgħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ bl-awtiżmu jitgħallmu l-metodi li huma mistennija biex jaħslu idejhom sew, iżommu d-distanzi soċjali meħtiega, jitgħallmu l-affarijiet tal-iskola virtwalment, u kif ukoll jitgħallmu ċerti rutini ġodda fid-dar.

Il-ġenituri huma wkoll esperti fil-ħajja tat-tfal tagħhom u għaldaqstant, għandhom jużaw metodi ta’ tagħlim li fil-passat sabuhom ta’ benefiċċju għat-tfal tagħhom.

Hemm xi pariri siewja ohrajn li tixtiequ taqsmu ma’ ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu, li jgħinuhom biex jistabilixxu rutina ġdida waqt dan iż-żmien ta’ pandemija globali?

Ir-rutina hija sors ta’ sikurezza u kumdità għat-tfal kollha, imma wisq iktar għal dawk il-persuni bl-awtiżmu, allura huwa importanti li l-ġenituri jagħmlu mezz ta’ kif iżommu r-rutina fid-dar. 

Pereżempju, huwa vitali li kemm jista’ jkun, iżommu l-istess ħin ta’ rqad u qawmien filgħodu, ħin tal-ikel jew ‘snacks’, għall-użu tat-“tablet” jew it-televiżjoni, u kif ukoll ħin għax-xogħol tad-dar, jew rutini oħra bżonnjużi fid-dar. Din ir-rutina issa se jkollha bżonn tinkludi wkoll ix-xogħol tal-iskola, il-ħin ta’ mistrieħ u l-eżerċizzju. 

Meta possibbli, għandhom dejjem jgħinu lit-tfal tagħhom billi jagħtuhom ftit għażliet. Pereżempju, billi jagħżlu x’se jieklu, jew meta qed isir ix-xogħol tal-iskola, billi jagħżlu huma stess liema attivitajiet se jagħmlu l-ewwel, u oħrajn iktar tard. L-iskemi tal-ħin viżwali (visual timetables) jew listi speċifiċi oħrajn jistgħu wkoll jgħinu lit-tfal jagħrfu x’inhu mistenni minnhom, filwaqt li dawk il-ftit minuti ta’ twissija jgħinuhom iktar waqt ċerti bidliet li issa huma mitlubin jagħmlu f’xi attivitajiet godda. 

Fl-aħħar nett, naħsbu illi billi żżommu mar-rutina li tkunu għamiltu flimkien, u billi tfehmu sew lit-tfal tagħkom x’inhu mistenni minnhom, tistgħu tgħinu wkoll sabiex titnaqqas l-ansjetà fil-membri tal-familja, f’dan il-perjodu tant diffiċli għall-kulħadd. Huwa importanti ferm li l-ġenituri joqogħdu attenti għal bidliet fl-imġieba tat-tfal tagħhom tul dan iż-żmien ta’ pandemija, (bħal imġieba li turi frustrazzjoni jew dwejjaq) għax jaf li t-tfal ikollhom bżonn iktar għajnuna mis-soltu.

Ekonomija

Sport