Wednesday, April 24, 2024

L-Awtorità dwar il-Mediċini tniedi l-istrateġija tagħha sal-2025

Aqra wkoll

L-Awtorità dwar il-Mediċini nediet l-istrateġija sal-2025. Din għandha twassal biex tiġi stabbilita  direzzjoni biex tiġi mwettqa l-viżjoni reżiljenti u sostenibbli tal-awtorità fil-ħames snin li ġejjin. L-istrateġija tinkludi sitt għanijiet ġenerali immirati biex jingħelbu l-isfidi tas-suq u jitkompla l-kontribut tal-awtorità lejn il-livell ta’ eċċellenza fir-regolamentazzjoni tal-mediċini u tal-apparat mediku.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li, “L-Awtorità dwar il-Mediċini ta’ Malta taħdem b’mod ta’ suċċess billi tiżgura li l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tal-mediċini u l-apparat mediku jinżammu minn ta’ quddiem fl-attivitajiet tagħha.”

Il-Ministru Bartolo spjega kif din l-awtorità ġiet imfassla mill-ġdid biex tkun tista’ twessa’ l-ambitu tal-operat tagħha, twettaq obbligi ġodda u tlaħħaq mal-volum ta’ attività li dejjem jiżdied. Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li qed jistenna bil-ħerqa r-riżultati ta’ dan il-pjan strateġiku u tas-suċċessi kontinwi ta’ din l-awtorità biex tilħaq il-ħtiġijiet mediċi u ssaħħaħ oqsma ta’ eċċellenza xjentifika.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista stqarr li l-Awtorità dwar il-Mediċini ta’ Malta hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala entità sostenibbli, effiċjenti u li hija minn ta’ quddiem fix-xjenza regolatorja. Dan jitwettaq billi tadotta b’mod inerenti prinċipji xjentifiċi ta’ kwalità għall-benefiċċju tal-pazjenti u l-partijiet interessati. Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li l-kisbiet ta’ din l-awtorità juru li hija mgħammra bl-għarfien espert u l-ħiliet meħtieġa biex tilqa’ l-isfidi u tibdilhom f’opportunitajiet, filwaqt li żżomm lill-pazjent fiċ-ċentru tal-isforzi tagħha.

Il-Professur Anthony Serracino-Inglott qal li, “Is-suċċess tal-awtorità huwa dovut għall-ħidma ta’ tim eċċellenti tagħha bi kwalifiki għoljin li jaħdmu bla heda biex jiżguraw aċċessibbiltà għal mediċini ta’ kwalità għolja, effettivi u siguri. Dan intwera dan l-aħħar bis-sehem tal-awtorità fis-suċċess tal-programm ta’ tilqim kontra l-COVID-19, fejn l-awtorità ħadmet spalla ma’ spalla mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, li għandha wkoll l-Awtorità tal-Liċenzjar.”

L-Awtorità dwar il-Mediċini tkompli tħaddan investimenti u inizjattivi biex tistabbilixxi lil Malta bħala ċentru għall-iżvilupp edukattiv, riċerka xjentifika, u innovazzjoni fix-xjenzi regolatorji, filwaqt li tqis l-esiġenzi nazzjonali u globali u ċ-ċirkostanzi emerġenti.

Sport