Tuesday, May 13, 2025

L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tfaħħar il-mod ta’ kif jaħdmu u jagħmlu l-infurzar l-entitajiet Maltin

Aqra wkoll

Waqt żjara f’Malta, id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, Cosmin Boaingiu kellu diversi laqgħat, fosthom mas-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, kif ukoll mal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, fejn ġie diskuss is-suq tax-xogħol f’pajjiżna, kif ukoll l-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni ta’ Malta fl-Awtorità Ewropea tax-Xogħol.

Matul il-laqgħa mas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, id-Direttur Eżekuttiv Cosmin Boiangiu spjega kif din il-ħidma konġunta hija mandat importanti ħafna sabiex flimkien jiffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea. Huwa rrimarka b’sodisfazzjon dwar il-kooperazzjoni kbira li l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tirċievi minn Malta u mill-awtoritajiet Maltin, speċjalment fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni, kif ukoll li l-Awtoritajiet Governattivi Maltin jiżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu protetti, kif ukoll jaraw li l-interessi ġenerali tan-negozji jkunu mħarsa.

“Matul is-snin, gawdejna minn kooperazzjoni ma’ Malta li ħalliet il-frott fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema Maltin,” żied jgħid id-Direttur Eżekuttiv Cosmin Boiangiu.

L-evalwazzjoni tal-qagħda ta’ Malta mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol kienet waħda pożittiva. Dan jirrifletti l-ħidma kontinwa tal-awtoritajiet lokali, għall-mod ta’ kif jikkollaboraw b’mod attiv u trasparenti. Malta qed tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala parti integrali min-network Ewropew ta’ Stati Membri b’rieda soda li tikkopera u tappoġġja l-infurzar.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul innota b’sodisfazzjon li din l-Awtorità qiegħda tqis lil pajjiżna bħala wieħed mill-Istati Membri li qegħdin fil-quċċata tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu l-investigazzjonijiet fid-dinja tax-xogħol u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet. “Dan jagħtini l-kuraġġ sabiex bħala Gvern inkomplu naħdmu flimkien, għaliex jidher biċ-ċar l-apprezzament li f’pajjiżna għandna qafas sod li permezz tiegħu nistgħu nkomplu nħarsu u nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema. Bħala pajjiż, l-għan tagħna hu wieħed li nibqgħu nikkoperaw ma’ dawn l-awtoritajiet biex f’pajjiżna id-dinja tax-xogħol tibqa’ tissaħħaħ,” sostna s-Segretarju Parlamentari Ellul.

Waqt il-laqgħa mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x- Xogħlijiet Pubbliċi, il-Ministru Chris Bonett saħaq dwar l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti li jinkludu l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet biex jiġu żgurati l-aqwa kundizzjonijiet possibbli għall-ħaddiema. “Is-sigurtà fit-toroq u d-deċiżjonijiet kuraġġużi biex tittaffa l-isfida tat-traffiku f’pajjiżna wkoll huma kruċjali biex il-ħaddiema jiffrankaw il-ħin, jivvjaġġaw b’mod aktar sigur u mmexxu bl-eżempju. Bl-istess mod li s-settur tax-xogħol f’pajjiżna kiber b’ritmu mgħaġġel u saħħaħ l-ekonomija tagħna, daqstant ieħor huwa importanti li ssir ħidma konġunta biex l-interessi tal-ħaddiema u tan-negozji jibqgħu jiġu mħarsa u jkunu prijorità,” sostna l-Ministru Bonett.

Fil-laqgħa mal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, il-Ministru Byron Camilleri tkellem dwar kif  Malta għall-ewwel darba fl-2024 kellha t-tieni l-aqwa rata ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea. B’dan huwa riżultat tal-politika li ħaddan u għadu jħaddan il-Gvern, li biha daħlu iktar Maltin fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari nisa. “Tant wettaqna, li fejn qabel ma kellniex biżżejjed xogħol għall-Maltin, issa għandna xogħol għall-Maltin u ġew f’Malta jaħdmu wkoll persuni minn pajjiżi oħra,” sostna l-Ministru Camilleri. F’dan l-isfond, huwa spjega li l-Gvern ippreżenta u ser ikun qiegħed jimplimenta l-Malta Labour Migration Policy għaliex irridu ekonomija li taħdem għan-nies u mhux nies li jaħdmu għall-ekonomija.

Għal-laqgħa fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, id-Direttur Eżekuttiv Cosmin Boaingiu ltaqa’ mad-Direttur Ġenerali Alexia Vella.  Għal-laqgħat mad-diversi Ministeri, id-Direttur Eżekuttiv kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport