L-Awtoritá għall-Integrita’ fl-Isport Malti ppreżentat 56 Organizzazzjoni Sportiva biċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni wara li dawn irnexxielhom itemmu l-proċess tal-iskedi eżistenti fil-Liġi li tirregola r-reġistrazzjonijiet ta’ persuni sportivi f’pajjiżna.
Skont Il-Kapitlu 626 tal-Liġijiet ta’ Malta l-Organizzazzjonijiet Sportivi kollha għandhom jkunu rreġistrati fir-Reġistru għall-Persuni Sportivi, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti.
F’ċerimonja simbolika li saret fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Uffiċjali ta’ dawn l-organizazzjinijiet Sportivi ġew preżentati biċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li issa jagħmilhom konformi mal-Liġi preżenti.
Fl-indirizz tiegħu lill-diversi Presidenti u Segretarji Ġenerali li jirrapreżentaw lill-dawn l-Organizazzjonijiet Sportivi, l-Ministru Clifton Grima tenna li r-reġistrazzjoni hija kruċjali għall-eżistenza nnifisha ta’ kwalunkwe organizzazzjoni sportiva, peress li tagħtihom personalità ġuridika. Għalkemm il-personalità ġuridika tista’ tinkiseb ukoll permezz tal-Malta Business Registry hu fakkar li l-MBR huwa marbut bl-istess Att (KAP. 626) biex jitlob awtorizzazzjoni mingħand l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti qabel ma jirreġistra kwalunkwe Organizzazzjoni Sportiva. Hu fakkar kif ebda Organizzazzjoni Sportiva ma tista’ tikseb tali status qabel ma tkun irreġistrata mal-AIMS.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima irrimarka li issa dawn is-56 Organizazzjoni Sportiva jistgħu b’wiċċhom minn quddiem u bi dritt ikomplu japplikaw sabiex jibqgħu jibbenefikaw mid-diversi fondi li joffri l-Gvern fosthom fondi minn SportMalta li jintużaw għat-taħriġ, kompetizzjonijiet internazzjonali kemm f’Malta u anke barra minn Malta u fondi anke biex ikompli jkun żviluppat l-Isport rispettiv.
Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm iċ-Chairman tal-Awtorita’ għall-Integrita’ fl-Isport Malti l-Imħallef Antonio Mizzi li qal li dak li kisbu l-56 Organizazzjoni Sportiva huma importanti mhux biss għalihom bħala Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet rispettivi iżda wkoll importanti għal-Clubs u l-akkademji fi ħdanhom.
L-Imħallef Mizzi żied jgħid li bis-suċċess tar-reġistrazzjoni għandhom ikunu kburin ukoll il-membri kollha fi ħdan l-Organizazzjonijiet Sportivi fosthom il-kowċis, atleti u anke l-ġenituri li jibgħatu t-tfal tagħhom għat-taħriġ fl-Akkademji rispettivi. Hu tenna li tali ċertifikat huwa wkoll timbru ta’ professjonalita’ u tmexxija serja.
Fl-Indirizz tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-AiMS Kevin Azzopardi qal li kull minn kien preżenti għal din iċ-ċerimonja kellu jħossu kburi li ħadem għall-ġid tal-Assoċjazzjoni jew Federazzjoni tiegħu sabiex ikun konformi mal-Liġi.
Hu fakkar kif l-Awtorita’ tal-Integrita’ fl-Isport, konxja tal-fatt li li l-maġġoranza tal-Organizazzjonijiet Sportivi jitmexxew minn persuni volontarji, l-AiMS kienet ħarġet l-iskema REGitALL biex tgħin lill-entitajiet u organizzazzjonijiet sportivi biex jgħinuhom jimlew l-iskedi eżistenti fil-Liġi.
L-Iskema REGitALL offriet għajnuna minn professjonisti imqabbda u mħarrġa speċifikament mill-AIMS sabiex dawn jassistu fil-kompilazzjoni ta’ din ir-reġistrazzjoni. Hu qal li dawn il-professjonisti kienu jiltaqgħu b’mod regolari mal-uffiċjali ta’ dawn l-Organizazzjonijiet Sportivi sabiex mhux biss ituhom il-pariri neċessarji iżda wkoll sabiex fiżikament jgħinuhom fil-proċess kollu.
Is-Sur Azzopardi rrimarka li issa hu importanti li kull Organizazzjoni Sportiva reġistrata tibqa’ titmexxa b’Governanaza tajba u tkun ta’ eżempju għall-Organizazzjonijiet Sportivi oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-AiMS għamel appell lil Organizazzjonijiet Sportivi preżenti sabiex issa jkunu huma li jixprunaw u jgħinu lill-Clubs membri tagħhom biex huma wkoll jibdew il-proċess ta’ applikazzjoni biex il-Clubs kollha wkoll ikunu konformi mal-Liġi u eventwalment jkunu huma wkoll reġistrati uffiċjalment sal-aħħar tas-sena.

