Saturday, September 20, 2025

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tiftaħ uffiċċju ffukat fuq l-Amerika ta’ Fuq, fi New York

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, inawgura l-uffiċċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ffukat fuq l-Amerika ta’ Fuq, waqt ċerimonja fi New York, il-Ġimgħa.

L-uffiċċju l-ġdid se jopera fil-Missjoni Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda, li kienet inawgurata ftit snin ilu fil-qalba ta’ Manhattan. Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda, Natasha Meli-Daudey u l-Ambaxxatur ta’ Malta fl-Istati Uniti, Godfrey Xuereb, ħadu sehem f’din iċ-ċerimonja, flimkien ma’ diversi esponenti tal-industrija.

Id-Deputat Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Uffiċċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Carlo Micallef, u r-Rappreżentanta tal-Awtorità għall-Amerika ta’ Fuq, Michelle Buttigieg, flimkien mad-Direttur tal-Marketing Arthur Grima, u l-Maniġer tal-Marketing Yasmine Scorfna.

Fil-kummenti tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Borg enfasizza li l-uffiċċju l-ġdid se jkun kruċjali għall-operat tal-Awtorità fir-reġjun tal-Amerika ta’ Fuq, billi joffri bażi permanenti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet diretti mal-industrija tat-turiżmu, il-mezzi tal-media, u organizzazzjonijiet u individwi oħra involuti.

“Għal destinazzjoni avvanzata, is-suq Amerikan huwa l-ogħla livell li tista’ tilħaq. Għal pajjiż żgħir bħall-Gżejjer Maltin, is-suċċess f’dan is-suq jitlob impenn strateġiku fit-tul.”

Dr Borg żied jgħid li dan l-impenn diġà qed iwassal għar-riżultati, hekk kif fakkar li din il-ġimgħa kellha diversi kisbiet ewlenin għal Malta fl-Istati Uniti, fosthom l-aħbar dwar it-tnedija ta’ titjiriet diretti bejn New York u Malta, kif ukoll il-wiri għall-ewwel darba fl-Istati Uniti ta’ Hidden Malta, dokumentarju ġdid mill-ġurnalist u rebbieħ ta’ diversi premjijiet Emmy, Peter Greenberg.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, spjega li “l-vjaġġ tagħna fl-Amerika ta’ Fuq beda 11-il sena ilu permezz tal-ħatra ta’ Michelle Buttigieg, biex terġa’ tintroduċi lil Malta f’dan is-suq. Ix-xogħol tagħha kien kruċjali biex tistabbilixxi lil Malta fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Operaturi Turistiċi tal-Istati Uniti (USTOA) u biex ngħollu l-profil tagħna bħala destinazzjoni ta’ livell għoli permezz tas-sħubija tagħna ma’ Virtuoso. Ir-riżultati kienu eċċezzjonali, u dan l-uffiċċju l-ġdid ifisser pass importanti ’l quddiem fl-istrateġija tagħna fit-tul, għas-snin li ġejjin.”

Michelle Buttigieg, ir-Rappreżentanta tal-MTA għall-Amerika ta’ Fuq, tkellmet dwar il-pedament sod li diġà jeżisti. “Ix-xogħol tal-MTA fl-aħħar snin infirex mhux biss fi New York iżda madwar l-Amerika ta’ Fuq kollha, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija tat-turiżmu, b’aktar viżibilità dwar Malta,” hi qalet, hekk kif żiedet li l-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju se joħloq spazju speċjali li jirrappreżenta pont bejn Malta u s-suq tal-Amerika ta’ Fuq.

Malta tibqa’ impenjata li tattira turiżmu li joħloq valur ekonomiku ogħla għall-gżejjer, filwaqt li jirrispetta l-istorja, il-kultura, u dak kollu li għandhom x’joffru. Dan l-impenn jiżgura li t-tkabbir fit-turiżmu jkun sostenibbli u jimxi pass pass mal-istrateġija fit-tul tal-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport