Monday, February 2, 2026

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tniedi l-edizzjoni tal-25 Anniversarju tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar

Aqra wkoll

Bejn it-18 u t-30 ta’ April 2026, il-25 edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-logħob tan-nar ta’ Malta se jlaqqa’ flimkien madwar 40 għaqda u kumpanija tan-nar li għal sena oħra se jerġgħu jixegħlu s-sema fuq il-Port il-kbir u n-Nadur f’Għawdex filwaqt li jiċċelebra waħda mill-aktar tradizzjonijiet kulturali maħbubin fil-gżejjer Maltin u jattira numru ta’ viżitaturi lil hinn mix-xhur tas-sajf.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nediet uffiċjalment id-dettalji ta’ dan l-avveniment annwali nhar it-Tnejn filgħodu ġewwa Forti Sant’Anġlu fil-Birgu, fil-Port il-Kbir.

Il-festival ta’ din is-sena se jkollu tmien għaqdiet u kumpaniji pirotekniċi jikkompetu fil-kompetizzjoni piromużikali, tnejn iżjed mis-sitta fl-edizzjoni preċedenti. Erbgħa mill-kompetituri huma Maltin, filwaqt li l-erbgħa l-oħra se jivvjaġġaw lejn il-Gżejjer Maltin minn barra, fosthom parteċipanti minn pajjiżi li qatt qabel ma ħadu sehem f’dan il-festival. Notevolment, l-edizzjoni tal-25 sena anniversarju se tinkludi kumpanija piroteknika Kanadiża, li għalhekk tfisser parteċipazzjoni minn barra l-Ewropa li tkompli ssaħħaħ il-kontribut siewi tal-festival fi swieq importanti għal turiżmu minn pajjiżi ‘l bogħod.

B’kollox, madwar 40 kamra tan-nar u soċjetajiet affiljati magħhom se jipparteċipaw matul dan ilfestival, li flimkien se ikomplu jsostnu t-talent u l-arti lokali. Barra minn hekk, il-każini tal-baned ukoll se jieħdu sehem biex b’hekk l-atmosfera tal-festa Maltija tkompli tieħu l-ħajja waqt il-festival permezz tal-mużika u ċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali.

Il-programm tal-festival se jiftaħ fit-18 ta’ April fin-Nadur, Għawdex, b’wirjiet piromużikali mhux kompetittivi, logħob tan-nar tradizzjonali u spettaklu tal-għeluq mir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tassena l-oħra, l-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu, il-Birgu. L-avvenimenti piromużikali kompetittivi mbagħad se jittellgħu fil-Belt Valletta fl-20 u l-25 ta’ April, b’erba’ kompetituri f’ kull lejl, akkumpanjati minn wirjiet piromużikali oħra u murtali tradizzjonali. Il-festival se jiġi fi tmiemu fit-30 ta’April bi Gran

Finale fil-Port il-Kbir. Lil hinn mill-kompetizzjoni, l-udjenzi se jkunu jistgħu jgawdu wkoll firxa wiesgħa ta’ logħob tan-nar tradizzjonali Malti, fosthom beraq, beraq pront, beraq tal-Kulur, beraq bil-logħob, kif ukoll murtali tal-kulur, sfejjer u blalen, li juru d-diversità, is-sengħa u l-artiġjanat li jikkaratterizzaw il-wirt pirotekniku tal-gżejjer Maltin.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu l-Onor. Ian Borg faħħar ilħidma kontinwa tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex ta’ kull sena jibqa’ jittella’ dan il-festival tant mistenni fil-kalendarju kulturali tal-gżejjer Maltin. Huwa żied jgħid:

“Filwaqt li l-parteċipazzjoni internazzjonali f’dan il-festival tkompli ssaħħaħ il-viżibilità u l-attrazzjoni ta’ Malta u Għawdex fi swieq ewlenin tat-turiżmu, dan il-Festival jibqa’ popolari ferm fil-komunitajiet lokali tagħna hekk kif jiċċelebra l-ħila, id-dedikazzjoni u l-wirt tal-piroteknika Maltija, filwaqt li joffri pjattaforma eċċezzjonali biex juri dan it-talent lill-esperti kif ukoll lid-dilettanti tal-logħob tan-nar lokali u internazzjonali. Dan juri wkoll l-impenn dejjem jikber tat-turiżmu li jrawwem esperjenzi awtentiċi li jħarsu l-wirt kulturali tagħna, li jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali, u li jsaħħu r-reżiljenza u r-responsabilità tal-industrija.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport