II-liġi li għadha kif ġiet approvata b’mod unanimu fil-Parlament dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se twettaq ir-riforma li kienet ilha meħtieġa. Fil-fatt, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) se tkun qed twettaq pjan ta’ azzjoni marbut b’time-lines sabiex tiżgura li d-dħul fis-seħħ tal-provvedimenti varji ġodda jwassal għal dak l-għan li l-liġi għalih ġiet aġġornata. B’hekk se jittieħdu dawk il-miżuri minn min għandu l-obbligu biex jiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema.
L-Att il-ġdid ikopri kwalunkwe ħaddiem, kwalunkwe post tax-xogħol, inkluż il-ħaddiema tal-Gvern u l-privat u dan huwa rifless fl-operat u fil-moniteraġġ tal-OHSA li tiżgura li tkoprihom kollha. Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta indirizza konferenza stampa b’rabta mal-liġi l-ġdida tal-OHSA minn fost il-ħaddiema fid-De La Rue Security and Currency Ltd.
Huwa spjega dwar il-proċess ta’ implimentazzjoni fosthom il-ħatra tal-membri tat-Tribunal u dawk tal-Bord ta’ Governanza skont kif mitlub fl-Att il-ġdid. Ġie spjegat kif it-Tribunal il-ġdid li se jitwaqqaf bl-Att il-ġdid, li huwa imparzjali u indipendenti mill-OHSA, se jkun qed jisma’ u jiddeċiedi appelli minn multi u minn ordnijiet maħruġa mll-uffiċjali tal-OHSA fost oħrajn.
Il-Ministru Attard stqarr li l-Att il-ġdid huwa wieħed iffukat u mfassal fuq l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla, it-titjib tal-prevenzjoni u tħejjija aħjar ta’ miżuri aġġornati fosthom:
B’ristrutturar tal-Awtorità biex jiġu delineati l-irwoli u r-responsabbiltajiet tad-diversi partijiet li jiffurmawha filwaqt li jiġu żgurati livelli ogħla ta’ governanza.
- It-tneħħija u l-emendar ta’ dispożizzjonijiet mhux ċari fil- liġi li daħlet fis-seħħ aktar minn 20 sena ilu.
- L-inkoraġġiment ta’ djalogu kostruttiv bejn l-Awtorità u l-korpi kostitwiti dwar il-benefiċċji li jiġu żgurati s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.
- Żieda fir-responsabbiltajiet tal-prinċipal u l-allinjament tar-responsabbiltajiet tal-ħaddiema mad-Direttivi Ewropej.
- Ir-riforma tas-sistema ta’ penalitajiet amministrattivi u sanzjonijiet kriminali sabiex ikunu ta’ deterrent effettiv.
- L-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ kompromess ġdid, biex isseħħ ġustizzja fi żmien raġjonevoli. Din il-proċedura ma tapplikax f’ċirkostanzi li jinvolvu fatalità.
- L-introduzzjoni tal-post ta’ Uffiċjal li jirrapporta dwar is-Saħħa u s-Sigurtà (HSRO) għal ċerti industriji kbar u ta’ riskju għoli.
- L-introduzzjoni tal-kunċett ta’ strumenti amministrattivi li se jippermettu lil Awtorità taġixxi u tieħu azzjoni f’inqas żmien biex tipprevjeni kemm jista’ jkun ir-riskji fuq ix-xogħol.
- L-introduzzjoni tas-sistema ta’ pubblikazzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi, multi ta’ kompromess u sentenzi tal-qorti għal dak li jkunu responsabbli.
Żieda ta’ riżorsi umani
Il-Ministru Attard semma wkoll kif għal din is-sena, l-OHSA għamlet talba u ngħatat żieda fl-allokazzjoni finanzjarja li ppermetta l-ingaġġ ta’ aktar impjegati f’livelli varji tal-operat tagħna.
Fil-fatt, l-OHSA diġà għaddejja minn proċess massiċċ ta’ ingaġġ u f’dawn l-aħħar sitt xhur ħarġu diġà tmien tmien sejħiet fil-postijiet varji inkluż gradi Maniġerjali, Klerikali kif ukoll sejħiet Tekniċi.
Għal dawn il-postijiet vakanti l-Awtorità rċeviet madwar 150 applikazzjoni fejn Bordijiet maħtura apposta mxew ma’ proċess li bħalissa qegħdin isiru l-interviews ma’ dawk l-applikanti eliġibbli, u b’hekk ikun jista’ jinbeda l-ingaġġ tagħhom mal-Awtorità.
B’hekk l-OHSA sa tkun qiegħda żżid in-numru ta’ impjegati minn madwar 30 bħalissa għal 80 sal-aħħar tas-sena d-dieħla.