Friday, December 13, 2024

L-Awtorità tal-Artijiet tgħaddi spazju miftuħ lill-Kunsill Lokali tal-Mosta

Aqra wkoll

Spazju miftuħ ta’ aktar minn 1,500 metru kwadru f’żona residenzjali fil-Mosta magħrufa bħala Ta’ Mlit, se jgħaddi formalment għand il-Kunsill Lokali tal-istess lokalità sabiex ikun taħt ir-responsabblità tal-Kunsill.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mad-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo waqt żjara fuq il-post li matulha ġie ffirmat il-ftehim tad-devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tal-Mosta. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali tal-Mosta se jkun qed jibbenefika mill-iskema li ġiet introdotta mill-Awtorità tal-Artijiet fil-bidu ta’ din is-sena fejn il-Kunsilli Lokali ma jħallsux aktar minn €500 fis-sena f’kera għal propjetajiet pubbliċi li jiksbu mingħand il-gvern.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim, hekk kif l-Awtorità tal-Artijiet qed tkompli tgħaddi aktar spazji miftuħa lill-Kunsilli Lokali. “L-Awtorità tal-Artijiet qed tagħmel eżerċizzju tajjeb ħafna fejn qed tidentifika spazji u binjiet pubbliċi li jistgħu jiġu utilizzati mill-Kunsill Lokali. Dan ikompli juri l-ħidma tal-gvern ċentrali biex aktar spazji u binjiet pubbliċi jiġu riġenerati u utilizzati mill-ġdid għall-benefiċċju tal-komunitajiet tagħna,” kompla jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo li kien qed jirrappreżenta lis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, wera sodisfazzjon għat-trasferiment ta’ din l-art lill-Kunsill Lokali tal-Mosta u qal li dan il-proġett se jissarraf fi ġnien sabiex jitgawda minn kulħadd. Sostna li dan hu eżempju ħaj li juri x-xogħol siewi li jwettqu l-Kunsilli Lokali.

Is-Sindku tal-Mosta Joseph Gatt qal li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali se jieħu ħsieb biex dan l-ispazju jiġi riġenerat fi ġnien li jkun jista’ jibda jintuża għal diversi attivitajiet fil-qalba tal-komunità tal-Mosta.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella.

Ekonomija

Sport