Żona magħrufa aħjar bħala l-iSpotters Wall f’Ħal Kirkop se tgħaddi għand il-Kunsill Lokali wara ftehim li ġie ffirmat bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt żjara fuq il-post.
Din iż-żona ilha għal snin twal post popolari fost l-appassjonati tal-avjazzjoni minn madwar Malta kollha grazzi għall-pożizzjoni strateġika tagħha u l-veduti uniċi fuq ir-runway tal-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr kif grazzi għall-Awtorità tal-Artijiet, qegħdin inwettqu politika konkreta anki fuq bażi lokali, fejn artijiet u binjiet pubbliċi ta’ valur għall-komunità jiġu devoluti lill-Kunsilli Lokali rispettivi.
“Minn issa ’l quddiem, iż-żona tal-ispotters se tkun taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop u dan se jippermetti li ż-żona tkun miżmuma aħjar biex tkompli titgawda mill-pubbliku,” temm jgħid il-Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, innotat b’sodisfazzjon dan il-ftehim bejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop u l-Awtorità tal-Artijiet. Spjegat kif din iż-żona hi popolari mhux mal-Koppin biss, imma ma’ dawk kollha li jħobbu l-avjazzjoni minħabba li tinsab biswit l-ajruport.
“Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop se jiġi fdat mill-Awtorità tal-Artijiet, sabiex jirranġa u jsebbaħ din iż-żona għal dawk kollha li jħobbu l-avjazzjoni, filwaqt li din se sservi ta’ spazju miftuħ għall-familji kollha. Din l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop jistħoqqilha kull tifħir,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari kompliet tgħid kif il-Kunsilli Lokali jafu tajjeb il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet rispettivi, u huwa għalhekk li l-gvern ċentrali qed jafda diversi proġetti u anke żoni direttament lill-Kunsilli Lokali.
Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-ftehim tad-devoluzzjoni li ġie ffirmat. “Permezz ta’ dan il-ftehim, se nbiddlu din iż-żona fi spazju miftuħ aktar ħadrani, attraenti u li jkun favur il-familji u l-komunità kollha.”
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop se jkun qed jaħdem f’kollaborazzjoni mal-Malta Aviation Society biex f’din iż-żona jsiru diversi attivitajiet edukattivi u rikreattivi li jattiraw aktar nies lejn dan il-post.