Saturday, December 28, 2024

L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova permess għal spazju pubbliku f’Wied Inċita

Aqra wkoll

Madwar 20 tomna ta’ art f’Wied Inċita ser jiġu trasformati fi spazju pubbliku miftuħ wara li l-Kummissjoni tal-Ippjanar tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) tat permess sabiex jibdew ix-xogħlijiet.

Dan il-proġett għandu l-għan li jtejjeb iż-żona, isaħħaħ l-aċċessibbiltà u jservi bħala post attraenti għall-komunità, filwaqt li tiġi żgurata l-preservazzjoni tiegħu.
Il-proġett, li ser isir minn Ambjent Malta, ser jirrikjedi numru ta’ interventi, inklużi
riabilitazzjoni u restawr, biex l-ispazju ikun sikur u aċċessibbli għal kulħadd.

Ix-xogħlijiet ser jinkludu t-tneħħija ta’ radam u r-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ biex jiġi żgurat aċċess pubbliku sikur. Ser jitneħħew diversi siġar mejtin biex titjieb l-estetika taż-żona, u biex jiġi mtaffi kwalunkwe riskju potenzjali assoċjat mal-fergħat li jaqgħu.

Biex tikkumpensa għat-tneħħija tas-siġar mejtin u biex ikompli jisbiħ is-sit, ser
jiġu mħawla 700 siġra u arbuxelli. It-tħawwil ser isir f’żoni li bħalissa huma vojta, bl-ispeċi magħżula skont il-fond tal-ħamrija, il-post, u l-espożizzjoni għar-raġġi tax-xemx biex jikkomplementa s-siġar maturi eżistenti.

Ser isir ukoll żbir korrettiv ta’ siġar oħra biex tiġi mtejba d-dehra naturali tas-sit wara snin ta’ negliġenza. Din it-trasformazzjoni tinkludi l-installazzjoni ta’ għamara ta’ barra u wiċċ ġdid tar-rotta eżistenti tas-servizz bl-użu ta’ grasscrete biex jissostitwixxi l-konkos attwali.

Għas-sigurtà pubblika, ser jiġi installat ċint tal-injam tul il-ġnub tal-għelieqi, u ser jitqiegħed ċint protettiv tul il-perimetru tas-sit. Dawn l-interventi għandhom l-għan li jtejbu l-ambjent naturali tal-park filwaqt li jagħmluh spazju akkoljenti u aċċessibbli għall-pubbliku.

Iż-żona ser isservi bħala nifs ġdida għallkomunità, li toffri opportunitajiet għal pikniks, rikreazzjoni, u logħob. It-titjib minimu huwa meħtieġ biex jiġu ppreservati l-karatteristiċi naturali taż-żona filwaqt li jipprovdi ambjent sigur u organizzat għall-viżitaturi.

Ekonomija

Sport