Il-Villa Buleben, binja storika u skedata bħala Grad 2 magħrufa sew fil-lokalità ta’ ĦażŻebbuġ se tiġi restawrata u rijabilitata minn residenza vakanti għal lukanda ta’ livell għoli distint.
Il-Bord tal-Ippjanar qabel li jingħata permess outline wara li kien sodisfatt li l-proġett kien għadda minn tnaqqis sinifikanti mill-proposta inizjali tiegħu. Il-Bord innota li l-aħħar pjanti u disinnji jipprovdu soluzzjoni aħjar li tibbilanċja l-wirt u l-ispazji miftuħa tal-Villa mal-iżvilupp li hemm bżonn biex jakkomodaw faċilitajiet moderni ta’ ospitalità.
Il-proġett jinvolvi r-restawr komprensiv tal-palazz, il-ġnien tal-madwar, il-ħajt tal-konfini, u l-kappella, b’alterazzjonijiet żgħar biex itejbu l-funzjonalità u sbuħija tiegħu. Il-pjan ta’ żvilupp jinkludi wkoll il-bini ta’ estensjoni moderna ta’ tliet sulari mal-palazz oriġinali, li se jikkumplimenta l-arkitettura eżistenti filwaqt li jirrispetta s-sinifikat storiku tal-binja.
Il-proġett se jwassal għall-ħolqien ta’ 32 kamra mifruxa mal-palazz oriġinali u l-estensjoni l-ġdida. Iż-żona tal-ġnien se tospita seba’ binjiet distinti bi kmamar għal klijenti individwali, li se jkunu mibinja b’sinerġija mal-ambjent naturali tal-ġnien.
Il-proġett se jara wkoll iż-żieda ta’ pixxina biex tittejjeb l-esperjenza tal-klijenti filwaqt li tinżamm larmonija mal-wirt storiku tal-madwar. Il-proġett se jakkomoda d-domanda għal żoni turistiċi f’postijiet storiċi li dejjem qed tikber, filwaqt li jipprovdi esperjenza ta’ akkomodazzjoni unika li taħseb kemm għallviżitaturi lokali kif ukoll internazzjonali.
L-applikant xorta jrid japplika għal permess sħiħ ta’ żvilupp biex jeżegwixxi dan il-proġett. L-applikazzjoni ta’ żvilupp sħiħ se tevalwa d-disinn u dettalji kollha tal-proġett.