Tuesday, December 24, 2024

L-Awtorità tal-Ippjanar tibda l-proċess biex jiġi pprojbit kull forma ta’ żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) bdiet il-proċess biex temenda l-policy tal-ippjanar tal-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna tal-2006 sabiex tipprojbixxi kull forma ta’ żvilupp fiż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, Għawdex.

L-Awtorità qiegħda tipproponi li dan is-sit għandu jintuża biss għal proġett ta’ afforestazzjoni.

Iż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien, li hija waħda unika fil-gżejjer Maltin u għandha veduti mill-isbaħ ta’ Kemmuna u l-Fliegu, ilha taħt ‘theddida’ kontinwa li tiġi żviluppata. Sa mill-2002, kienet tressqet applikazzjoni ta’ żvilupp għall-bini ta’ port u lukanda ta’ 195 kamra, marina ta’ 200 jott u villaġġ turistiku għal 300 appartament.

Il-Pjan Lokali approvat fis-sena 2006 jippermetti “bini ddisinjat b’mod sensittiv, ta’ kwalità għolja u ta’ densità baxxa li jkun konformi mal-pajsaġġ”. Ħondoq ir-Rummien ġie identifikat ukoll bħala “destination port”.

Fl-2016, l-Awtorità tal-Ippjanar unanimament irrifjutat applikazzjoni ta’ żvilupp fuq is-sit u kkwotat li l-iżvilupp propost kien qiegħed jikser il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp peress li kien jikkostitwixxi “żvilupp intensiv urban f’żona rurali u kostali.” Il-proposta kienet ukoll kontra l-viżjoni tal-Pjan Strateġiku ta’ Għawdex bħala “gżira ekoloġika”. Riċentament, din id-deċiżjoni ġiet ukoll ikkonfermata b’mod definittiv b’sentenza tal-Qorti tal-Appell.

L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat numru ta’ miri proposti li ser jiggwidaw ir-reviżjoni parzjali tal-Pjan Lokali ta’ Għawdex u Kemmuna tal-2006 għal din iż-żona. L-għanijiet proposti u l-mappa tas-sit jinsabu fuq il-websajt tal-Awtorità www.pa.org.mt/consultation.

L-Awtorità stiednet individwi u organizzazzjonijiet biex jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom relatati ma’ dawn l-għanijiet proposti permezz tal-indirizz elettroniku: [email protected].

Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Awtorità sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2023.

Ekonomija

Sport