Sunday, December 22, 2024

L-Awtorità tal-Ippjanar tirrifjuta t-talba ta’ żviluppatur biex iżomm struttura fuq it-triq f’San Pawl il-Baħar

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni għall-kontroll tal-ippjanar fi Triq San Ġwann Battista, kantuniera ma’ Sqaq tax-Xama f’San Pawl il-Baħar, li kienet tipproponi li tnaqqas il-wisa’ uffiċjali tat-triq billi tinżamm struttura qadima li toħroġ ’l barra mil-linja uffiċjali tal-bini.

L-Awtorità kienet diġà tat permess ta’ żvilupp għall-bini ta’ blokk ta’ appartamenti fuq dan is-sit. Il-permess kien suġġett għall-kundizzjoni li t-triq għandha tinfetaħ skont il-linja uffiċjali tal-bini. Madankollu, l-iżvilupp ipproċeda biex jinbena l-bini bi ksur ta’ din il-kundizzjoni, biex b’hekk il-bini l-qadim tħalla barra mil-linja tal-bini. Dan ħoloq konġestjoni, kif ukoll periklu għall-persuni li jgħaddu minn hemmhekk bil-mixi u anke għat-traffiku tal-vetturi.

Il-kwistjoni qajmet numru ta’ oġġezzjonijiet mir-residenti u l-utenti taż-żona, kif ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. L-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar b’multi ta’ kuljum fid-dawl ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjoni tal-permess. Barra minn hekk, ma nħareġ l-ebda ċertifikat ta’ konformità fuq l-ebda parti tal-bini.

L-applikazzjoni għall-kontroll tal-ippjanar, li tressqet mid-detentur tal-permess tal-blokk tal-appartamenti, kienet tipproponi li tinbidel l-linja tat-triq sabiex tinżamm l-istruttura li tesporġi ’l barra mil-linja tal-bini. Min-naħa l-oħra, dik il-parti tal-istruttura l-qadima li kienet ’il ġewwa mil-linja tal-bini twaqqgħet biex tagħti lok għall-bini tal-blokk ta’ appartamenti. Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, l-Awtorità tal-Ippjanar ma aċċettatx il-bidla proposta tal-linja tat-triq.

L-avviż ta’ infurzar jibqa’ fis-seħħ sakemm it-triq tiġi ffurmata skont il-linja uffiċjali tat-toroq. Iċ-ċertifikati ta’ konformità fuq l-appartamenti individwali jinħarġu meta l-kundizzjonijiet tal-permess jiġu mħarsa b’mod sħiħ.

Ekonomija

Sport