Aktar kmieni llum, il-Bord tal-Ippjanar talab li titnaqqas l-estensjoni proposta tal-iskola fi ħdan is-Sir David Bruce Royal Naval Hospital, li huwa eks sptar navali fl-Imtarfa.
Il-Bord semma li l-bini propost jeħtieġ li jiġi mnaqqas biex jintegra aħjar mal-binjiet skedati fi Grad 2 li jmissu mal-bini. L-estensjoni proposta tinkludi l-bini ta’ sala sportiva u kumpless tal-gym b’faċilitajiet anċillari miżjuda għall-użu tal-iskola prinċipali.
F’Novembru tal-2021, l-Awtorità kienet ħarġet il-permess tal-iżvilupp (PA/1522/20) għar-restawr u r-riabilitazzjoni tal-bini prinċipali tal-eks sptar bħala skola b’faċilitajiet moderni.
Oriġinarjament, il-faċilitajiet il-ġodda proposti kienu ser isiru taħt l-art, madankollu wara li saru investigazzjonijiet dettaljati ġew skoperti karatteristiċi arkeoloġiċi, u għalhekk ix-xogħlijiet ta’ tħaffir ġew esklużi minnufih. Il-Bord talab ukoll lill-applikant biex jintroduċi u jinkorpora pjan biex jitnaqqas il-carbon footprint tal-operat tal-iskola.
Il-Bord tal-Ippjanar approva bini ġdid għal faċilità ta’ skip management. Sal-lum, l-iskart kollu bl-ingrossa miġbur minn skips ma kienx qiegħed jiġi sseparat iżda jintefa’ direttament fil-landfill.
F’konformità mal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Iskart, din il-faċilità l-ġdida ser tibda tissepara l-iskart bl-ingrossa li tirċievi mill-iskips kollha.
Il-proġett ser isir fuq art mibnija bejn iż-żewġ miżbliet, jiġifieri l-landfill eżistenti tal-Magħtab u l-landfill tal-Għallis, limiti tan-Naxxar.