Friday, March 13, 2026

L-awtoritajiet Belġjani jfixklu lill-MEP Daniel Attard ma’ ieħor bl-istess isem

Aqra wkoll

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan ammetta li Membru tal-Parlament Ewropew ġie akkużat b’mod żbaljat li allegatament irċieva pagamenti miċ-Ċina bħala parti minn investigazzjoni li tinvolvi lill-kumpanija Huawei, u dan wara li tfixklu l-identità tiegħu ma’ dik ta’ negozjant ieħor bl-istess isem.

Is-sit Politico rrapporta li l-pulizija Belġjana akkużat b’mod żbaljat lill-MEP Malti Daniel Attard li allegatament irċieva ammonti “suspettużi” ta’ flus minn kontijiet bankarji fiċ-Ċina u Hong Kong. L-istess sit ikkwota żewġ persuni li tkellmu miegħu u raw il-kontenut ta’ ittra li ntbagħtet mill-awtoritajiet Belġjani lill-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew fil-bidu ta’ Marzu. 

F’din l-ittra, il-prosekutur irrikonoxxa li l-awtorità Belġjana li tissorvelja t-tranżazzjonijiet finanzjarji kienet għamlet “żball” billi “ħawdet” l-identità ta’ sid il-kont bankarju, li ntqal li huwa ta’ negozjat Malti ieħor bl-istess isem. 

Is-sit Politico rrapporta li l-allegazzjoni kienet parti mid-dossier mibgħut mill-prosekutur lill-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, li għandu r-responsabbiltà li jiddeċiedi jekk titneħħiex l-immunità tal-imsemmi MEP.

Attard mill-ewwel ċaħad kull allegazzjoni fil-konfront tiegħu. Huwa qal ukoll li mill-bidu nett sostna l-innoċenza sħiħa tiegħu u offra kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet kompetenti. 

F’kummenti mas-sit Politico, Attard qal li “hu ta’ sfortuna li spiċċajt fi kwistjoni li m’għandha x’taqsam xejn miegħi sempliċiment għax persuna oħra għanda l-istess isem.” 

“Dan jenfasizza l-importanza tal-proċess dovut u tal-verifika bir-reqqa tal-fatti qabel ma r-reputazzjoni ta’ xi ħadd titqiegħed f’riskju,” qal l-MEP Attard. “Se nkompli nikkoopera bi sħiħ mal-Parlament Ewropew u mal-awtoritajiet kompetenti sakemm din il-kwistjoni tiġi konkluża darba għal dejjem u nittama li issa tkompli mingħajr aktar dewmien.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport