Monday, May 13, 2024

“L-awtoritajiet fehmu li ma stajniex naħdmu bil-miżura tal-obbligu taċ-ċertifikat”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ma stajniex ma nitkellmux dwar ir-rilaxx ta’ ċertu miżuri u l-impatt fuq ir-ristoranti ma’ Matthew Pace; Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE).

Pace qalilna li bħala Assoċjazzjoni kellhom laqgħat u konsultazzjoni mal-Prim Ministru Robert Abela, maċ-Chief of Staff, Glenn Micallef u mal-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo, fejn dawn tal-aħħar fehmu t-tħassib tagħhom minħabba li l-miżura taċ-ċertifikat “loġistikament kienet impossibbli”. 

Huwa qal li barra minnhekk, minħabba li hemm nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur, ma kienx possibbli li ma jħaddmux impjegati mhux imlaqqma. “Meta semgħu t-tħassib tagħna, irreaġixxew pożittivament  mal-ewwel u rrealizzaw li s-sitwazzjoni kienet impossibbli. Li tneħħiet din il-miżura taċ-ċertifikat, għalina kien pass pożittiv ħafna għax ma stanjniex naħdmu biha. Din ma kinitx għażla, iżda kien impossibbli li fiċ-ċirkostanzi, nadattaw għaliha. Aħna grati ħafna lejn il-Prim Ministru, iċ-Chief of Staff tiegħu u lejn il-Ministru Bartolo li kellhom reazzjoni immedjata. Bħala Assoċjazzjoni qegħdin hemm għall-membri tagħna u l-fatt li l-Gvern Ċentrali jisma’ l-weġgħa tagħna, ovvjament din hija importanti ħafna għalina,” spjega Pace.

Rigward x’impatt seta’ kellha l-miżura taċ-ċertifikazzjoni tat-tilqim fuq is-settur fejn jidħlu l-ħaddiema, Pace qal li din kellha impatt negattiv ħafna tant li kien hemm saħansitra impjegati f’din l-industrija li bdew jikkonsidraw setturi oħra għall-għixien tagħhom. Hawnhekk huwa qal li din kienet sitwazzjoni fejn fis-settur tagħhom l-impjegati ġew mitluba jieħdu t-tilqima biex jaħdmu mentri  f’setturi oħra, bħal stabbilimenti ta’ retail kbar, din ma kinitx imposta. “Din kienet daqsxejn diskriminatorja għas-settur tagħna u huwa għalhekk li napprezzaw ħafna li l-Gvern Ċentrali laqa’ l-weġgħat tagħna u rreaġixxa pożittivament mill-ewwel. Din kienet ta’ sodisfazzjoni kbira għalina u għall-membri tagħna,” temm Matthew Pace. 

Sport