Friday, December 13, 2024

L-awtoritajiet ta’ California qed ifittxu lil Hank the Tank

Aqra wkoll

Ors kbir magħruf bħala Hank the Tank qiegħed ikun imfittex mill-pulizija ta’ California wara li dan daħal f’numru ta’ djar residenzjali f’Lake Tahoe. Dan l-ors ilu jagħmel dan mis-sajf li għadda.  Hank, li jiżen madwar 227 kilo, huwa ħafna ikbar mill-medja tal-orsijiet tal-istess razza. Hank jidher li qabeż il-perjodu ta’ ibernazzjoni li l-orsijiet jagħmlu fix-xitwa minħabba li dan qiegħed isib provvista kontinwa ta’ ikel.

L-awtoritajiet tad-distrett qalu li jista’ jkun li dan l-ors ikollu jinqatel hekk kif sar iħossu wisq komdu mal-umani, filwaqt li gruppi li jitkellmu għall-annimali tas-selvaġġ qed jisħqu li dan għandu jittieħed f’santwarju.  

Dan l-ors jidher li tgħallem juża d-daqs u s-saħħa tiegħu biex jidħol bil-forza fid-djar. Dan tgħallem jidħol mill-bibien tal-garaxxijiet, bibien tad-djar u anke mit-twieqi u ma jagħmilx differenza għalih jekk ikunx hemm nies preżenti jew le. 

S’issa l-awtoritajiet ma sabux irkaptu kif jikkontrollaw lil Hank hekk kif il-metodi li s-soltu jintużaw fuq orsijiet oħrajn – bħal ħsejjes apposta li jdejqu lill-orsijiet u jgerrxuhom – jidher li mhux qed jaħdmu fuq Hank. Minħabba dan kollu, bosta bdew jirreferu wkoll għal dan l-ors bħala r-Re Hank.

Ekonomija

Sport