L-awtoritajiet tal-Bangladesh qed jinvestigaw il-kawża ta’ nirien kbar fil-kamp ta’ refuġjati Rohingya li ħalla minn tal-inqas 12,000 persuna mingħajr ebda post fejn jistkennu.
Filwaqt li ma ġiet irrappurtata l-ebda fatalità minħabba f’dan l-inċident, in-nirien ħakmu mal-2,000 xelter wara li n-nirien infirxu malajr permezz ta’ ċilindri tal-gass li kien hemm fil-kċejjen.
Il-Pulizija qiegħda tinvestiga jekk in-nar kienx att ta’ sabotaġġ, filwaqt li persuna tinsab miżmuma arrestata. Il-kamp fix-Xlokk huwa maħsub li huwa l-akbar kamp tar-refuġjati fid-dinja.
Ħafna mir-residenti f’dan il-kamp kienu ħarbu mill-persekuzzjoni fil-pajjiż ġar tagħhom, il-Myanmar. It-Tnejn li għadda, mijiet ta’ persuni rritornaw lura fl-inħawi ta’ Cox’s Bazar biex jaraw x’jistgħu jiġbru mill-fdalijiet.
In-nirien bdew il-Ħadd għall-ħabta tas-2.45 p.m. ħin lokali. “Madwar 2,000 xelter inqerdu u ħallew madwar 12,000 ċittadin tal-Myanmar spostati mingħajr kenn,” qal Mijanur Rahman, il-Kummissarju tar-Refuġjati tal-Bangladesh mal-aġenzija tal-aħbarijiet AFP.