Tuesday, January 6, 2026

L-azzjoni ta’ Trump tista’ tkun ta’ eżempju għal poteri awtoritarji oħra

Aqra wkoll

Bil-ħtif tal-mexxej Venezwelan Nicolás Maduro, Donald Trump wera b’mod aktar qawwi minn qatt qabel it-twemmin tiegħu li jista’ jagħmel li jrid, appoġġjat mill-forza militari tal-Istati Uniti. L-aġir ta’ Trump issa huwa meqjus ta’ eżempju għal poteri oħra biex jivvjolaw is-sovranità ta’ pajjiżi oħra u anki jwaqqgħu l-gvern.

Il-President Trump għamel it-tħabbira tal-ħtif ta’ Maduro f’konferenza stampa fir-residenza tiegħu f’Mar-a-Lago fi Florida b’implikazzjonijiet enormi għall-politika barranija tal-Istati Uniti madwar id-dinja. Trump qal li l-Istati Uniti se tieħu f’idejha t-tmexxija fil-Venezwela sakemm issir tranżizzjoni sikura u xierqa.

Trump jemmen li jista’ jiggverna l-Veneżwela b’kontroll remot. Din id-dimostrazzjoni li jsostni kliemu b’azzjoni militari, ġiet appoġġjata bil-kbir kemm mis-Segretarju tal-Istat Marco Rubio kif ukoll mis-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti Pete Hegseth, u qisuha li se tkun biżżejjed biex tfassal mill-ġdid il-Veneżwela u fl-istess ħin twissi lill-mexxejja tal-Amerika Latina biex jikkonformaw.

L-International Crisis Group kien wissa f’Ottubru li l-waqgħa ta’ Nicolas Maduro tista’ twassal għal vjolenza u instabbiltà fil-Veneżwela.

Fl-istess xahar, The New York Times irrapportat li uffiċjali tad-difiża u diplomatiċi fl-amministrazzjoni preċedenti ta’ Trump kienu ppjanaw x’jista’ jiġri jekk il-gvern ta’ Maduro jitwaqqa’. Il-konklużjoni tagħhom kienet il-prospett ta’ kaos vjolenti hekk kif fazzjonijiet armati jikkompetu għall-poter.

Maduro kien injora r-rieda tal-poplu Venezwelan billi injora t-telfa elettorali tiegħu stess u, bla dubju, it-tluq tiegħu se jkun milqugħ b’mod pożittiv minn ħafna miċ-ċittadini ta’ pajjiżu. Iżda l-implikazzjonijiet tal-azzjoni tal-Istati Uniti se jinħassu lil hinn mill-fruntieri tal-Veneżwela.

Ir-rekord tal-Amerika bil-politika li twassal għal bidla ta’ reġim bil-forza fl-aħħar 30 sena huwa wieħed diżastruż.

L-Iraq spiċċa f’katastrofi mdemmija wara l-invażjoni tal-Istati Uniti fl-2003. Fl-Afganistan żewġ deċennji u biljuni ta’ dollari f’tentattivi ta’ bini ta’ nazzjon inqerdu fi ftit jiem wara li l-Istati Uniti rtiraw fl-2021. 

L-Istati Uniti għandha wkoll rekord twil ta’ interventi armati fl-Amerika Latina. Kuba bla dubju tinsab ukoll fuq l-aġenda tal-Istati Uniti, li qed titmexxa minn Marco Rubio, li l-ġenituri tiegħu huma Kubani-Amerikani.

Fl-1994 il-President Bill Clinton kien bagħat fil-Haiti 25,000 suldat u żewġ ajruplani biex jinforza bidla fir-reġim. Wara, ir-reġim Ħaitjan sfaxxa mingħajr ma ġie sparat tir wieħed. Minn dakinhar lil hawn, it-30 sena kienu perjodu ta’ miżerja kważi bla waqfien għall-poplu ta’ Ħaiti li issa huwa stat fallut iddominat minn gruppi armati.

Donald Trump tkellem dwar li jagħmel lill-Venezwela ġrandjuża mill-ġdid, iżda ma semma xejn dwar id-demokrazija. Huwa ċaħad ukoll l-idea li l-mexxejja tal-oppożizzjoni Venezwelana María Corina Machado, li rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi ftit tal-ġimgħat ilu, għandha tmexxi l-pajjiż.

Minflok, l-Istati Uniti, xorta waħda, qed tappoġġja lill-Viċi President ta’ Maduro, Delcy Rodríguez.

Filwaqt li żgur kien hemm xi tip ta konfoffa interna li tat lill-militar tal-Istati Uniti l-informazzjoni minn ġewwa li kien hemm bżonn biex jitneħħa Maduro, ir-reġim maħluq mill-predeċessur tiegħu, Hugo Chávez, jidher li baqa’ intatt.

Mhux probabbli li l-forzi armati Veneżwelani, minkejja kwalunkwe umiljazzjoni kontra l-ġenerali tagħhom, jistgħu jopponu l-attakk tal-Istati Uniti. 

Il-milizzji ċivili ġew armati mir-reġim u l-Veneżwela għandha gruppi armati oħra. Dawn jinkludu netwerks kriminali, kif ukoll gwerillieri Kolombjani li jappoġġjaw ir-reġim ta’ Maduro. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport