Sunday, December 22, 2024

L-azzjoni tal-UE ftit li xejn kellha effett biex twaqqaf it-tnaqqis tal-pollinaturi selvaġġi, jgħidu l-awdituri

Aqra wkoll

Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), il-miżuri tal-UE ma żgurawx il-protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi. Fil-biċċa l-kbira tagħha, l-istrateġija għall-bijodiversità sal-2020 ma kinitx effettiva fil-prevenzjoni tat-tnaqqis tagħhom. Barra minn hekk, il-politiki ewlenin tal-UE, fosthom il-Politika Agrikola Komuni, ma jinkludux rekwiżiti speċifiċi għall-protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi. Aktar minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-pestiċidi hija kawża prinċipali tat-telf tal-pollinaturi selvaġġi, jgħidu l-awdituri.

Pollinaturi bħan-naħal, iż-żunżan, il-hoverflies, il-friefet, il-baħrijiet u l-ħanfus jikkontribwixxu bil-kbir biex tiżdied il-kwantità u l-kwalità tal-ikel tagħna. F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, madankollu, kien hemm tnaqqis fl-abbundanza u fid-diversità tal-pollinaturi selvaġġi, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet minħabba agrikoltura intensiva u l-użu ta’ pestiċidi. B’rispons għal dan, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet qafas ta’ miżuri, ibbażat fil-biċċa l-kbira fuq l-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi tal-2018 tagħha u l-istrateġija tagħha għall-bijodiversità sal-2020. Hija stabbiliet ukoll miżuri li għandhom il-potenzjal li jaffettwaw il-pollinaturi selvaġġi taħt il-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. L-awdituri vvalutaw kemm din l-azzjoni kienet effettiva.

“Il-pollinaturi għandhom rwol essenzjali fir-riproduzzjoni tal-pjanti u l-funzjonijiet tal-ekosistema, u t-tnaqqis tagħhom għandu jitqies bħala theddida kbira għall-ambjent, l-agrikoltura u l-provvista tagħna ta’ ikel ta’ kwalità”qal Samo Jereb, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport. “Sfortunatament l-inizjattivi tal-UE li ttieħdu sissa għall-protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi kienu dgħajfa wisq biex jagħtu r-riżultati mixtieqa.”

L-awdituri sabu li l-qafas iddedikat tal-UE fir-realtà ma jgħinx biex jipproteġi lill-pollinaturi selvaġġi. Għalkemm l-ebda azzjoni unika fl-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 ma kienet immirata b’mod speċifiku biex treġġa’ lura t-tnaqqis fil-pollinaturi selvaġġi, erbgħa mill-miri tagħha jistgħu indirettament ikunu ta’ benefiċċju għall-pollinaturi. Iżda ir-rieżami ta’ nofs it-terminu proprju tal-Kummissjoni sab li għal tlieta minn dawn il-miri, il-progress kien insuffiċjenti jew ineżistenti. Ir-rieżami identifika wkoll b’mod speċifiku li l-pollinazzjoni hija waħda mill-aktar elementi degradati fl-ekosistemi fl-UE kollha. L-awdituri jinnutaw ukoll li l-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi ma wasslitx għal bidliet kbar fil-politiki ewlenin.

Huma sabu wkoll li politiki oħra tal-UE li jippromwovu l-bijodiversità ma jinkludux rekwiżiti speċifiċi għall-protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi. Il-Kummissjoni ma għamlitx użu mill-għażliet disponibbli f’termini ta’ miżuri ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità fi kwalunkwe programm, inkluż fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, Natura 2000 u l-programm LIFE. Għal dak li jikkonċerna l-PAK, l-awdituri jqisu li din hija parti mill-problema, mhux parti mis-soluzzjoni. Ir-rekwiżiti ta’ ekoloġizzazzjoni u ta’ kundizzjonalità taħt il-PAK ma kinux effettivi fit-twaqqif tat-tnaqqis fil-bijodiversità agrikola, kif ikkonkludew l-awdituri tal-UE f’ rapport reċenti.

Fl-aħħar nett, l-awdituri jenfasizzaw ukoll li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-pestiċidi ma setgħetx toffri miżuri adegwati biex tipproteġi lill-pollinaturi selvaġġi. Il-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ tinkludi salvagwardji għall-protezzjoni tan-naħal tal-għasel, iżda l-valutazzjonijiet tar-riskju għadhom ibbażati fuq gwida li mhix aġġornata u mhix allinjata tajjeb mar-rekwiżiti legali u mal-għarfien xjentifiku l-aktar reċenti. B’rabta ma’ dan, l-awdituri jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-qafas tal-UE ippermetta lill-Istati Membri biex ikomplu jużaw il-pestiċidi maħsuba li huma responsabbli mit-telf enormi ta’ naħal tal-għasel. Pereżempju, bejn l-2013 u l-2019, kienu ingħataw 206 awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għall-użu ta’ tliet neonikotinojdi (l-imidacloprid, it-thiamethoxam u l-clothianidin), anke jekk l-applikazzjoni tagħhom ilha ristretta mill-2013 ‘il hawn, u l-użu estern tagħhom ġie strettament ipprojbit mill-2018 ‘il hawn. F’rapport ieħor li ġie ppubblikat din is-sena, l-awdituri tal-UE sabu li l-prattiki ta’ ġestjoni integrata tal-pesti jistgħu jgħinu biex jitnaqqas l-użu tan-neonikotinojdi, iżda li l-UE sissa ftit li xejn kienet għamlet progress fl-infurzar ta’ dawn il-prattiki.

Billi l-“Patt Ekoloġiku” se jkun fil-quċċata tal-aġenda tal-UE fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, l-awdituri jirrakkomandaw li l-Kummissjoni Ewropea:

·       tivvaluta l-ħtieġa għal miżuri speċifiċi għall-pollinaturi selvaġġi fl-azzjonijiet u fil-miżuri ta’ segwitu tal-2021 relatati mal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030;

·       tintegra aħjar l-azzjonijiet li jipproteġu lill-pollinaturi selvaġġi fl-istrumenti ta’ politika tal-UE li jindirizzaw il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-agrikoltura; u

·       ittejjeb il-protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi.

Ekonomija

Sport