Saturday, November 23, 2024

L-azzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju se tgħaddi taħt l-iskrutinju tal-awdituri

Aqra wkoll

Il-ħasil tal-flus huwa l-prattika li tinħeba l-oriġini illegali tar-rikavat minn attività kriminali. It-tranżazzjonijiet suspettużi li huma marbuta ma’ ħasil tal-flus jammontaw għal mijiet ta’ biljuni ta’ euro fis-sena, fi ħdan l-UE. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tat bidu għal awditu biex teżamina l-isforzi mwettqa mill-Unjoni biex jiġi indirizzat il-ħasil ta’ flus maħmuġa, u qed tiffoka speċifikament fuq is-settur bankarju.

Id-Direttiva tal-UE kontra l-Ħasil tal-Flus (AML) ilha fis-seħħ mill-1991 u ġiet aġġornata f’erba’ okkażjonijiet – l-aktar waħda reċenti kienet fl-2018.Il-Kummissjoni, l-attur ewlieni fil-livell tal-UE, għandha r-rwol li tiżviluppa u tinforza r-regoli tal-AML f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membri. Din is-sena l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ħadet f’idejha l-kompiti ta’ tmexxija, koordinazzjoni u monitoraġġ f’dak li jirrigwarda l-ġlieda tas-settur finanzjarju tal-UE kontra l-ħasil tal-flus. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li japplikaw u jinforzaw ir-regoli tal-UE dwar l-AML, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll li jwettqu l-prosekuzzjonijiet tar-reati tal-ħasil tal-flus. Fi ħdan l-Ewropa, l-Europol tistma l-valur tat-tranżazzjonijiet suspettużi f’rata ta’ madwar 1.3 % tal-PDG tal-UE.

“Il-ħasil tal-flus qed ikun dejjem aktar theddida serja fil-livell mondjali, bil-kriminali ħafna drabi jfittxu li jaħslu l-flus fejn il-kontrolli jkunu l-aktar dgħajfa, ħafna drabi ‘l bogħod mis-sors tal-fondi”, jgħid Mihails Kozlovs, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għall-awditu “Minħabba l-iskala enormi ta’ din il-prattika kriminali, inkluż fl-UE, u minħabba għadd ta’ skandli ta’ profil għoli reċenti li jinvolvu banek, aħna ddeċidejna li nawditjaw l-effettività tal-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju”.

Minkejja kooperazzjoni internazzjonali estensiva u leġiżlazzjoni tal-UE dejjem aktar sofistikata, il-ħasil tal-flus jibqa’ jippreżenta sfida enormi ta’ politika. L-awdituri se jiffukaw fuq it-trasferiment tal-leġiżlazzjoni tal-UE għal ġewwa dik tal-Istati Membri, fuq kif ir-riskji għas-suq intern jiġu mmaniġġjati, fuq il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri nazzjonali u l-korpi tal-UE, kif ukoll fuq l-azzjoni tal-UE biex tirrimedja l-ksur tal-liġi dwar l-AML fil-livell nazzjonali. Ix-xogħol fuq il-post li se jitwettaq għal dan l-awditu se jindirizza lid-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-Kummissjoni Ewropea, lill-EBA u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Sport