Ir-Raba tellieqa – min serje ta’ħamsa – tal-RMYC Winter Series by Beneteau rat aktar azzjoni barra l-port ta’ Marsamxett nhar is-Sibt wara nofsinhar.
Il-flotta kienet maqsuma f’żewġ klassijiet — IRC u RMYC Club Class. Fil-flotta IRC, Ton Ton Laferla għal darb’oħra wriet il-ħila tagħha meta kisbet it-tieni rebħa f’żewġ tiġrijiet konsekuttivi.
Lartista ta’ Anthony Calleja temmet fit-tieni post u issa telgħet fil-quċċata tal-klassifika proviżorja. Pippus ta’ David Anastasi spiċċat fit-tielet post u issa tinsab bl-istess numru punti ma’ Inspiration ta’ Godwin Zammit fil-klassifika overall.
Fir-RMYC Club Class, Forever25 ta’ Martin Kunath kisbet rebħa oħra, segwita minn Thunder Child ta’ Matthew Zarb Cousin u Exaltor ta’ Ali Namli fit-tielet post.
Fil-klassifika overall tal-RMYC Club Class Thunder Child bħalissa tinsab fil-quċċata segwita minn Forever25, filwaqt li Irie ta’ Roderick Zahra tinsab fit-tielet post.
Bl-aħħar tellieqa tas-serje skedata għat-18 ta’ April, u hekk kif jidħol fis-seħħ is-sistema tad-discard, diversi pożizzjonijiet mistennija jinbidlu. Dan iħejji x-xena għal konklużjoni eċċitanti, fejn l-aħħar tellieqa se tiddetermina r-rebbieħa overall tar-RMYC Winter Series by Beneteau.
Il-Royal Malta Yacht Club tirringrazzja lil Mediterranean Yacht Sales – ir-rappreżentanti esklussivi tad-ditta Beneteau – għalll-appoġġ tagħhom lejn il-Winter Series.
Sadanittant, bejn it-28 u l-31 ta’ Marzu, il-Club se jorganizza r-RMYC Spring Weekend Regatta. Il-Clubhouse se sservi bħala ċ-ċentru tal-attivitajiet matul tmiem il-ġimgħa twil ta’ Jum il-Ħelsien, b’format tradizzjonali ta’tlielaq flimkien mal-atmosfera soċjali li saret sinonima ma’ dawn it-tip ta’ avvenimenti.

