Friday, October 17, 2025

L-BOV JIĊĊELEBRA KULTURA TA’ INNOVAZZJONI LI TIFFOKA FUQ IL-KLIJENT

Tagħlaq b’suċċess ir-raba’ edizzjoni tal-Ġimgħa ddedikata lill-Esperjenza tal-Klijent

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta (BOV) ċċelebra t-tmiem tar-raba’ edizzjoni ta’ CX Week, ġimgħa li kienet iddedikata biex tgħolli l-livell tal-esperjenza tal-klijent madwar il-Bank kollu. L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet immarkata minn involviment dinamiku, kollaborazzjoni inter-funzjonali, u impenn imġedded biex il-klijenti jitpoġġew fil-qalba ta’ kull deċiżjoni. Mill-esperjenzi tal-impjegati li jaqdu wiċċ imb’wiċċ lill-klijenti għas-sehem tat-tmexxija u l-innovazzjoni xprunata mill-impjegati, CX Week 2025 uriet is-setgħa tal-empatija, l-għarfien u l-azzjoni biex il-klijent jingħata servizz eċċellenti.

Matul din il-ġimgħa, impjegati li normalment ma jiltaqgħux mal-klijenti b’mod dirett, kellhom l-opportunità li jidħlu fl-irwol tal-kollegi tagħhom u jesperjenzaw u japprezzaw l-interazzjoni diretta mal-klijenti. Permezz ta’ din l-inizjattiva setgħu jifhmu aktar il-ħtiġijiet tal-klijenti, u dwar kif jistgħu jgħinu aħjar lill-kollegi tagħhom. Il-mexxejja tal-Bank ingħaqdu wkoll mal-impjegati tal-frontline, segwew il-mod ta’ kif jaħdmu u anke assistew għat-telefonati tal-klijenti. Il-parteċipazzjoni prattika tagħhom saħħet l-impenn tat-tmexxija tal-Bank favur kultura li tpoġġi lill-klijent l-ewwel, u kompliet issaħħaħ ir-rabta bejn id-direzzjoni strateġika u s-servizz offrut mill-Bank.

Il-Bank ospita wkoll avveniment biex jirrikonoxxi lis-CX Stars, fejn ġew onorati impjegati u timijiet li wrew eċċellenza fl-irwol tagħhom biex itejbu l-esperjenza tal-klijent. Iċ-ċelebrazzjoni tefgħet dawl  fuq dawk li kontinwament imorru lil hinn mill-obbligu mistenni minnhom, biex jagħtu servizz mill-aqwa, u qed ikunu ta’ mudell għal oħrajn.

Waqt li kien qed jirrifletti fuq is-suċċess ta’ din il-ġimgħa, Theodoros Papadopoulos, Chief Customer Experience Officer tal-Bank, qal: “Jien ninsab kuntent ħafna li din is-sena, għar-raba’ darba konsekuttiva, qed niċċelebraw is-CX Week. Dan huwa tragward li għandna nkunu kburin bih. Erba’ snin konsekuttivi juru l-impenn tagħna li nqiegħdu lill-klijent fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu, filwaqt li nintegraw l-esperjenza tal-klijent fid-DNA tagħna, fil-valuri tagħna u fil-mod kif noperaw bħala negozju.”

Il-Bank of Valletta nieda wkoll is-CX Hackathon biex ikompli jibni fuq il-momentum tas-CX Week. Din hija inizjattiva ġdida li tagħti s-setgħa lill-impjegati jittrasformaw ir-rispons u l-ideat kreattivi f’soluzzjonijiet prattiċi mmirati biex itejbu l-esperjenza tal-klijent. Fil-jiem li ġejjin, is-sottomissjonijiet se jiġu riveduti u l-impjegati jkunu mistiedna jivvutaw għall-ideat favoriti tagħhom, bl-aħjar ħames ideat jintgħażlu għall-preżentazzjoni. Din l-inizjattiva tiżgura li l-ispirtu tas-CX Week ikompli jispira innovazzjoni sinifikanti anki wara li jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet.

Aktar tard dan ix-xahar, il-Bank se jospita wkoll avveniment ieħor bl-isem ta’ Voice of Customer (VOC). Hawnhekk, il-Bank se jkun qed jilqa’ għadd ta’ klijenti li pparteċipaw fi stħarriġ riċenti biex jirringrazzjahom personalment tar-rispons imprezzabbli tagħhom. Iċ-ċelebrazzjonijiet se jintemmu bil-Konferenza BOV CX, li se ssir għat-tieni sena konsekuttiva. Il-konferenza se tiffoka fuq il-mod kif l-intenzjoni tinbidel f’impatt, u fuq kif l-esperjenza tal-klijent tiġi integrata bħala prijorità kondiviża u prattika ta’ kuljum madwar il-Bank.

Is-CX Week 2025 kienet katalista għall-innovazzjoni, l-empatija u t-titjib kontinwu. Il-Bank of Valletta jħares ’il quddiem u jibqa’ determinat fl-impenn tiegħu li jisma’ lill-klijenti, u jwassal esperjenzi eċċezzjonali kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport