F’dawn l-aħħar xhur, fit-toroq Maltin żdied is-sewqan is-sewqan bl-‘e-scooters’. Dan il-mezz ta’ trasport, li huwa wkoll popolari fi bliet oħra Ewropej, reġa’ tpoġġa fiċ-ċentru tad-diskussjoni u ħafna kienu dawk li saħqu fuq il-bżonn li jkun hemm aktar regoli stretti u infurzar f’dan ir-rigward.
Jekk wieħed iħares mill-aspett ambjentali, dawn l-‘e-scooters’ jgħinu biex ikun hemm kwalità ta’ ħajja aħjar u tonqos ukoll il-konġestjoni tat-traffiku f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata. Jgħinu wkoll biex dawk li jkunu jridu jagħmlu vjaġġi qosra minn post għall-ieħor ma joqogħdux jużaw il-karozza tagħhom u għalhekk isibuha aktar faċli jagħmlu użu minn dan il-mezz ta’ trasport.
Iżda minkejja l-effetti pożittivi li dawn l-‘e-scooters’ iġibu magħhom, hemm ukoll diversi sfidi u perikli li wieħed irid jagħti aktar attenzjoni tagħhom, anke bħala leġiżlaturi. Qegħdin naraw sitwazzjonijiet ta’ kuljum fejn persuni, wara li jagħmlu użu mill-‘e-scooters’, iħalluhom mitluqin fejn ġie ġie fuq bankini, pjazez u nħawi ta’ din ix-xorta.
Dan joħloq inkonvenjent kbir għal dawk li jkunu mexjin fuq l-istess bankini jew għal persuni li jkunu fuq siġġu tar-roti. Dan huwa konfermat minn ritratt li dan l-aħħar iċċirkola fuq il-mezzi soċjali li kien juri raġel anzjan fuq siġġu tar-roti li ma setax jgħaddi għan-naħa l-oħra tal-bankina minħabba żewġ scooters li tħallew hemm.
Wieħed jistaqsi; għandu jkun hemm iżjed postijiet fejn dawn l-‘e-scooters’ għandhom jitħallew? Għandu jkun hemm kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-età permessibbli għall-użu ta’ dawn l-‘e-scooters’? Kemm qed ikun konvenjenti u anke ta’ inkonvenjent għall-pubbliku dan il-mezz tat-trasport? Fil-fatt, ftit tal-ġimgħat ilu diġà rajna żewġ inċidenti jseħħu b’inċident iħalli persuna bi ġrieħi gravi.
Issa li għaddew tliet snin mill-introduzzjoni tal-policy nazzjonali dwar l-użu tagħhom, nemmnu li wasal iż-żmien li b’diskussjoni miftuħa mal-istakeholders kollha involuti jkun hemm reviżjoni ta’ din il-politika li tissodisfa lis-sewwieq, lill-kumpaniji li jikruhom u fuq kollox liċ-ċittadin, anke permezz ta’ regoli u infurzar raġjonevoli.
Dan jista’ jwassal sabiex ikunu indirizzati l-isfidi li dawn il-mezzi ta’ trasport ġodda qed iġibu magħhom. B’hekk tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq Maltin.