Friday, November 15, 2024

“L-ebda annimal ma jieħu gost jgħix fil-ħmieġ, f’ambjent ikkripat u b’ilma li mhux tajjeb għax-xorb”

Anzjan mmultat €2,000 wara li ħalla annimali jgħixu fil-ħmieġ tagħhom stess… ma kienx qed inaddfilhom minħabba li kien weġġa’ jdejh

Aqra wkoll

Anzjan ta’ 72 sena residenti l-Ħamrun kien ikkundannat multa ta’ €2,000 wara li nstab ħati li ħalla diversi annimali jgħixu fil-ħmieġ tagħhom stess u dan wara li ma kienx qed imur inaddfilhom minħabba li kien weġġa’ jdejh.

George Mifsud kien mixli li ġiegħel annimali jsofru tbatija mingħajr bżonn u li żamm annimali mingħajr ma kien responsabbli għat-trattament xieraq tagħhom. 

Huwa kien mixli wkoll li naqas milli jieħu l-passi neċessarji biex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-annimali li kien responsabbli għalihom jintlaħqu kif meħtieġ, li naqas milli jirreġistra annimali fil-pussess tiegħu.

Il-każ imur lura għat-12 ta’ Mejju 2021, meta l-uffiċjali tal-Animal Welfare daħlilhom rapport li f’residenza fil-Ħamrun kien hemm xi annimali li kienu qed jinżammu f’bitħa fil-ħmieġ. 

L-uffiċjali ħadu xi ritratti tal-bitħa minn post ieħor fejn irriżulta li r-rapport kien wieħed veritier. Huma marru l-għassa tal-Ħamrun u sussegwentement, flimkien ma’ Kuntistabbli tal-Pulizija, marru jħabbtu f’din ir-residenza.

Fejn il-koxxa tal-bieb sabu numru ta’ mobile u meta ċemplu fuqu rriżulta li kien tal-imputat. Il-Pulizija staqsieh jekk ir-residenza kinitix tiegħu u wieġeb fl-affermattiv. 

Fil-bitħa rriżulta li kien hemm tlitt iklieb tar-razza Chihuahua suwed, erbat ifniek ġo gaġeġ żgħar li taħthom kien hemm ammont ta’ ħmieġ li kien ilu ma jitnaddaf, il-bitħa kienet maħmuġa u l-istess kien jirriżulta li kien ilu ma jnaddaf is-sid. Is-sid kellu wkoll ħames ħamimiet ġo gaġġa żgħira b’parti minnhom kienu fix-xemx u parti kellhom għatja fuqhom. 

Meta l-uffiċjali staqsewh għalfejn l-annimali kienu qegħdin fil-ħmieġ, l-imputat wieġeb li kien weġġa’ jdejh u ma setax inaddaf. L-annimali kienu kkonfiskati u ħaduhom fl-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali. 

Fir-rigward tal-fniek, uffiċjal tal-Animal Welfare xehed li f’gaġġa minnnhom kien hemm fenka li welldet iż-żrameġ iżda kienu mejtin kollha u dwar il-ħmieġ u l-ilma ntqal li l-ħmieġ tal-klieb hemm kien għadu. Qal li xorb kien hemm imma kien fix-xemx u infatti kien ħdar bix-xemx. Qal ukoll li l-annimali kienu qed jiġu mitmugħa iżda ma kinux imnaddfa biss. 

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Gabriella Vella semgħet id-Difiża tisħaq fuq il-fatt li ma tressqitx prova dwar l-istat ta’ saħħa tal-annimali u li mhux l-annimali kollha ttieħdu mill-uffiċjali tal-Animal Welfare. Dawn il-fatturi però fil-fehma tal-Qorti ma jbiddlu xejn mis-sitwazzjoni preżenti.

“Għalkemm fortunatament seta’ jirriżulta li l-annimali inkwistjoni ma kinux fi stat ħażin minħabba l-mod kif kienu jinżammu, ma għandu jkun hemm l-ebda dubju li l-ebda annimal ma jieħu gost jgħix fil-ħmieġ, f’ambjent ikkripat u b’ilma li mhux tajjeb għax-xorb. Il-fatt li kien hemm għasafar li ma ttiħdux, ma jnaqqas xejn mill-mod xejn xieraq li fih kienu qed jinżammu l-annimali l-oħra li finalment ittieħdu mill-uffuiċjali,” qalet il-Qorti.

Id-Difiża argumentat ukoll li minħabba li l-imputat weġġa’ idu ftit jiem qabel huwa kellu problema biex inaddaf kif suppost. Għalkemm irriżulta li huwa veru li l-imputat kien weġġa’ idu, il-Qorti qalet li hi tal-fehma li l-imputat ma kellux jabdika mid-doveri tiegħu lejn l-annimali li kellu fir-residenza tiegħu fil-Ħamrun. 

“Iżda kellu jara kif jagħmel biex jikseb l-għajnuna ħalli l-post jitnaddaf kif suppost. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-imputat weġġa’ idu ma jimpinġi bl-ebda mod fuq il-fatt li l-ħamiem u l-fniek xorta kienu qed jinżammu fi spazji mhux adegwati għalihom.”

Kien għalhekk li sabitu ħati tal-ewwel tliet akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda kien illiberat mir-raba’ akkuża billi mill-provi rriżulta li ma kienx hemm l-obbligu li l-klieb li kellu l-imputat jiġu reġistrati u ċċipjati. 

Il-Qorti għalhekk ikkundannatu multa ta’ €2,000, li jistgħu jitħallasu b’pagamenti ta’ €100 fix-xahar.

Ekonomija

Sport