Il-midfielder internazzjonali Portugiż, Joao Felix, irid jitlaq lil Atletico Madrid iżda filwaqt li kien offrut lil Juventus, Milan, Pari St Germain, Arsenal u Manchester United, l-ebda club m’huwa lest li jħallas is-somom kbar mitluba.
Dan il-player ta’ 23 sena sar l-aktar wieħed għali fl-istorja ta’ Atletico meta ħallsu €127 miljun biex iffirmawh mingħand Benfica fis-sajf tal-2019.
Madankollu, ir-relazzjoni tiegħu mal-coach, Diego Simeone, m’għadhiex daqstant tajba fejn ġie utilizzat 19-il darba biss dan l-istaġun. Huwa skorja ħames goals u rreġistra tliet assists.
Rapporti qed isostnu li Atletico jinsabu lesti li jħallu lil Felix jitlaq b’self għall-kumplament tal-istaġun bis-somma mitluba hija dik t’a €15-il miljun.
Barra minn hekk, il-club ikollu jkopri €6 miljun ta’ pagi għall-istess perjodu.