Monday, December 23, 2024

“L-ebda interferenza fl-investigazzjoni tal-Pulizija fuq il-qtil ta’ DCG” – Michael Farrugia

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fix-xhieda tiegħu waqt l-inkjesta pubblika, Farrugia saħaq li l-irwol tiegħu kien “li nassigura li l-Pulizija kellhom ir-riżorsi neċessarji għal dawn l-investigazzjonijiet”

Waqt li kien qiegħed jixhed fl-inkjesta pubblika marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Ministru tal-Enerġija Michael Farrugia saħaq li fl-irwol preċedenti tiegħu bħala Ministru tal-Intern, ir-risponsabbilita tiegħu kienet li tassigura li jkun hemm  biżżejjed riżorsi “biex il-pulizija tkun tista twettaq l-investigazzjoni tagħha kif kien hem bżonn.”

“Bħala Ministru, jiena qatt ma ndħalt fl-eżitu tal-investigazioni. Filwaqt li kont niġi mgħarraf bl-aħħar żviluppi mis-Servizzi Sigrieti, fl-assenza tiegħi, kien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne li kienu jattendu dawn il-laqgħat.”

Farrugia kkonferma li d-deċiżjoni li tiġi offruta somma ta’ €1 miljun għal dawk il-persuni kollha li kellhom xi informazzjoni relatata mal-qtil kienet meħudha mill-Prim Ministru. Madanakollu, “din ma rnexxietx, għaliex l-informazzjoni kollha miksuba, inkisbet tramite l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.”

L-eks Ministru tal-intern saħaq li huwa ma kienx jaf b’mod personali lil Fenech, u li kien huwa ltaqa miegħu darba, fuq proposta tal-imprenditur għal reklamazzjoni ta’ iktar art ġewwa Portomaso. Dakinhar, Farrugia kien Segretarju Parlamentari risponsabbli għall-ippjanar ġewwa l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Mistoqsi mill-avukati tal-familja Caruana Galizia fuq il-fehma personali tiegħu rigward l-aħbar li Mizzi u Schembri fetħu kumpaniji fil-Panama ftit qabel l-elezzjoni tal-2013, Farrugia saħaq li huwa kien epsrima l-opinjoni tiegħu lill-Prim Ministru Muscat li Mizzi kien “politikament naive”, u li f’taħdita individwali li huwa kellu ma’ Muscat, huwa kien esprima l-opinjoni tiegħu “li kemm Mizzi, u kif ukoll Schembri, kellhom jġorru  r-risponsabbilita politika ta’ dak li għamlu.”

Farrugia saħaq pero, li l-proġett tal-power station tal-Electrogas kien proġett bżonnjuż għal pajjiżna, għaliex “is-settur tal-enerġija kien f’sitwazzjoni vroma meta l-Partit Laburista tela fli-Gvern.”

“Madanakollu, ngħid illi nkun l-ewwel wieħed li nieħu azzjoni jekk tiġi żvelata xi korruzzjoni li tinvolvi dan il-ftehim.”

L-inkjesta Pubblika, immexxija mill-eks Imħallfin Michael Mallia u Jospeh Said Pullicino, flimkien mal-Imħallef attwali Abigail Lofaro, ser tkompli nhar il-Ġimgħa li ġejja.

Intant, il-Prim Ministru ikkonferma magħna li, wara talba tal-istess imħallfin biex tiġi estiża l-perjodu tas-smigħ tax-xhieda sal-15 ta’ Diċembru, huwa laqa’ din it-talba bil-patt u l-kundizzjoni li x-xhieda kollha relevanti, kif ukoll ir-rapport finali, jitlesta sa’ din id-data. “Dawn il-proċeduri legali ma jistgħux jieħdu żmien indefinit biex jitlestew.”

Ekonomija

Sport