Mit-23 ta’ Marzu 2023, kien hemm 30 każ ta’ botuliżmu rrappurtati f’numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa, iżda l-ebda każ ma kien irrapportat f’pajjiżna. Dawn il-każijiet kienu għaddew minn proċedura medika li tikkonsisti f’injezzjoni ta’ newrotossina botulinum biex tiġi kkurata l-obeżità, fit-Turkija, bejn it-3 u l-25 ta’ Frar 2023.
Barra minn hekk, kien hemm 53 każ ta’ botuliżmu bejn it-28 ta’ Frar u t-8 ta’ Marzu 2023 fost individwi li għaddew mill-istess proċedura f’żewġ sptarijiet privati f’Istanbul (50 każ) u f’Izmir (tliet każijiet). Fost 65 każ b’informazzjoni magħrufa, il-proċedura saret fi klinika waħda f’Istanbul, it-Turkija. Sa issa, ma ġew irrappurtati l-ebda fatalitajiet madwar fil-pajjiżi msemmija.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika hija infurmata li ma kien hemm l-ebda każ simili rrappurtat f’Malta. Madanakollu tħeġġeġ lill-individwi li vvjaġġaw lejn it-Turkija għal injezzjoni intragastrika ta’ newrotossina botulinum bejn it-3 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2023 sabiex ifittxu parir mediku mingħand it-tabib tagħhom, partikolarment jekk jesperjenzaw sintomi bħal dgħufija, diffikultà biex tieħu n-nifs u/jew biex tibla’.
Il-botuliżmu huwa marda newroparalitika serja kkawżata minn BoNTs prodotti prinċipalment mill-batterju, Clostridium botulinum. Il-marda sseħħ b’mod naturali f’erba’ forom differenti: a) botuliżmu li jinġarr mill-ikel, b) botuliżmu intestinali, c) botuliżmu tat-trabi, u d) botuliżmu tal-feriti.
Hemm żewġ forom oħra ta’ botuliżmu li ma jseħħux b’mod naturali: a) botuliżmu man-nifs u b) botuliżmu iatroġeniku, li huwa l-aktar forma riċenti ta’ botuliżmu marbuta ma’ proċeduri li jsiru.
L-intossikazzjoni tista’ sseħħ bħala avveniment avvers wara l-għoti ta’ BoNTs għal raġunijiet terapewtiċi jew kożmetiċi. Filwaqt li huwa meqjus rari, individwi li jirċievu injezzjonijiet ta’ BoNT għal skopijiet kożmetiċi (eż. għal-linji tat-tikmix tal-wiċċ) jew trattamenti terapewtiċi (eż. għall-ġestjoni ta’ spastiċità tal-muskoli), jistgħu jiżviluppaw botuliżmu jatroġeniku jekk jiġu injettati b’doża eċċessiva tal-BoNTs.
Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jinkoraġġixxi bil-qawwa liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea biex jevitaw trattamenti intragastriċi b’BoNT għall-obeżità fit-Turkija peress li dan bħalissa huwa assoċjat ma’ riskju sinifikanti li jiżviluppaw botuliżmu.