Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia illi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) twettaq spezzjonijiet regolari fl-impjanti ta’ l-immaniġjar tal-iskart li jinstabu l-Magħtab sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet kollha tal-permess ambjentali, li jinkludu ukoll uħud li jirrigwardjaw mitigazzjoni ta’ rwejjaħ li jistgħu jkunu ikkawżat mill-operat tal-landfill, ikunu qegħdin jiġu osservati.
Ikkonferma dan waqt li kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija tad-deputata Nazzjonalista Graziella Galea rigward x’tip ta’ monitoraġġ qed isir dwar l-irwejjaħ li ġejjin min-naħa tal-Magħtab, il-frekwenza tagħhom, kif ukoll ir-riżultati tal-istess moniteraġġ.
Farrugia kompla biex jispjega li l-frekwenza tal-moniteraġġ fuq din it-tip ta’ siti huwa bbażat fuq sistema li tikkunsidra r-riskju ambjentali. Fis-sena 2021 saru 4 spezzjonijiet fil-landfill fejn fi tnejn minn dawn l-ispezzjonijiet, f’Awwissu u f’Novembru ta 2021, inxtammet riħa barra mill-konfini tal-impjant. Fiż-żewġ każijiet, kien hemm xi miżuri ta’ mitigazzjoni li ma kinux qed jintużaw fil-ħin tal-ispezzjoni u nġibdet l-attenzjoni tal-operatur biex jassigura li kull miżura meħtieġa mill-permess inkwantu ta’ mitigazzjoni ta’ rwejjaħ, għandha terġa’ tiġi applikata minnufih.
Il-Ministru spjega wkoll li ta’ min wieħed iżid li it-titjib li qiegħed isir diġà qiegħed jinħass, fil-fatt fl-2021 u fl-2022 ma daħal ebda rapport għand l-ERA rigward rwejjaħ mill-impjanti tal-Magħtab. Dan għandu jissolva b’mod definittiv bl-ikbar investiment fl-istorja tal-pajjiż li b’nofs biljun ewro ser ikun qed idawwar l-iskart minn problema għar-riżorsa.