Saturday, December 21, 2024

L-EBUSIJA TAR-RAS LI QIEGĦDA ĊĊAĦĦAD ELUF MID-DRITT TAL-VOT

Aqra wkoll

Ninsabu fl-aħħar ġranet qabel il-ġurnata tant mistennija tas-26 ta’ Marzu. Għalkemm għadd ta’ persuni li kienu eleġibbli li jixħtu l-vot fl-elezzjoni bikrija diġà għamlu dan, għad fadal ħafna persuni li skont informazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali, f’dan l-istadju mhumiex se jkunu eleġibbli biex jeżerċitaw id-dritt tal-vot minħabba li baqgħu ma ġabrux id-dokument. Il-ġurnata tal-elezzjoni qiegħed tkompli toqrob u għalhekk wara li lbieraħ kien l-aħħar ċans biex persuni jiġbru d-dokument mill-għases madwar il-pajjiż, dawk li għadhom itellgħu u jniżżlu jekk jiġbrux id-dokument, baqagħlhom ċans jagħmlu dan sal-Ħamis li ġej f’nofsillejl.

Dan jista’ jsir mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar jew mill-uffiċċju tal-istess Kummissjoni fir-Rabat Għawdex.

Dak li jkun jista’ jibqa’ jippersisti li m’għandux għalfejn jipparteċipa f’dan il-proċess demokratiku. Jista’ jkun għax ma jħossx li ngħata widen fuq xi talba li seta’ kien hemm, jista’ jkun għaliex ma jħossx li jista’ jafda liż-żewġ partiti fuq il-proposti mressqin fl-aħħar ġimgħat u saħansitra dawk li lanqas biss jimpurtahom x’inhu għaddej f’pajjiżna u li għalihom qisu lanqas għaddejja kampanja elettorali.

Nemmnu li mhux faċli li tikkonvinċi lil dawn il-persuni. Tajjeb inżommu f’moħħna li tikkonvinċi hija kelma distinta minn iġġiegħel. Ħadd m’għandu jhedd li jġiegħel lil xi ħadd biex imur jiġbor id-dokument, iżda kulħadd fid-dmir biex ifiehem lil ħaddieħor li d-dokument tal-vot huwa ċ-ċavetta biex kull individwu jwassal il-messaġġ tiegħu bin-numri li jniżżel meta jkun waħdu fil-kamra tal-votazzjoni.

Fl-aħħar jiem kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni komplew bl-appelli tagħhom. Minn dawn l-istess appelli, dawk li għadhom inċerti jiġbrux id-dokument jistgħu jagħmlu distinzjoni bejniethom u x’futur jixraqlu pajjiżna.

Il-Prim Ministru kien ċar. Qal li sal-aħħar se jibqa’ jisma’ l-ilmenti tal-elettorat u fejn saru inġustizzji se jkunu qegħdin jiġu indirizzati. Appella lil dawk li għadhom inċerti biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom u li l-votazzjoni hija l-unika stħarriġ li jgħodd. Tenna li sfortunatament in-naħa l-oħra qegħdin jippruvaw iwaqqfu dan il-proċess billi jagħtu x’jifhem li għalxejn jinġabar id-dokument daqslikieku hemm xi rebħa Laburista ċerta.

Minn naħa l-oħra kellna Kap tal-Oppożizzjoni li bejn qiegħed jappella bid-diskors, u fl-istess waqt donnu qiegħed jaqta’ qalb l-elettorat tiegħu stess. Grech infatti ffoka d-diskors tiegħu fuq votazzjoni li ma tħallix lil Robert Abela jkabbar id-distakk. Qal li bil-vot tiegħu l-elettorat jista’ jnaqqas id-distakk bejn iż-żewġ partiti, iżda rigward possibbiltà ta’ rebħa tkellem mill-anqas.

Nemmnu li mhuwiex faċli li persuni li f’dan l-istadju, l-aħħar stadju ta’ din il-kampanja elettorali, għadhom deċiżi li ma jiġbrux il-vot tagħhom jew saħansitra oħrajn li għandhom id-dokument tal-vot, iżda deċiżi li ma jużawhx.

Kif nistgħu nikkonvinċu? Għaliex persuna għadha ddawwar il-ħsieb u tmur tivvota? Dawn id-domandi li ġejjin jistgħu jgħinuk.

F’dawn l-aħħar ħames snin, il-ħajja tiegħi tjiebet? It-taxxi żdiedu? Il-kwalità tal-ħajja kompliet tiżdied? Kif l-għixien ta’ llum tipparagunah mas-snin ta’ qabel? Fil-pandemija kif mar pajjiżna, meta tqabblu ma’ pajjiżi oħra? L-ekonomija ta’ pajjiżna kif inhi sejra? 

Dawn huma domandi li m’għandniex dubju li intom għandkom tweġiba għalihom bla tlaqliq u għalhekk l-għażla fis-26 ta’ Marzu hija waħda ċara li għandha tkompli fit-triq tal-pożittività.

Ekonomija

Sport