Sunday, December 22, 2024

L-ECOFIN japprova l-pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

17-il proġett ta’ investiment u 30 riforma fil-Pjan ta’ Malta 

Il-Pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza għadda mill-aħħar approvazzjoni tiegħu wara li fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ġie approvat b’mod unanimu mill-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Unjoni Ewropea magħruf bħala l-ECOFIN. Wara din l-approvazzjoni issa mistennija ssir il-firma tad-dokumenti li permezz tagħhom Malta tibda tirċievi l-għotjiet finanzjarji  konnessi mal-investimenti u r-riformi rispettivi.

Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li b’dan il-pjan Malta se twettaq firxa wiesgħa ta’ riformi u investimenti. Dawn huma immirati lejn l-isfidi identifikati, fost l-oħrajn, fir-rakkommandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżna magħrufa bħala l-Country Specific Recommendations. Il-pjan ta’ Malta jinkludi tletin riforma u sbatax il-proġett ta’ investiment mifruxa fuq sitt oqsma.

L-ewwel żewġ oqsma jindirizzaw it-tibdil fil-klima billi l-pajjiż isir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li l-enerġija tkun waħda aktar nadifa, titħaddem ekonomija ċirkulari u jkollu sistema ta’ trasport aktar sostenibbli. Tkellem ukoll dwar inċentivi għax-xiri ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, inkluż għat-trasport pubbliku u biex jinbena  moll ġdid għat-trasport bil-baħar fl-inħawi tal-San Pawl il-Baħar biex aktar nies jitħajru jużaw mezzi ta’ transport alternattivi u aktar sostenibbli. B’kollox 54% tal-infieq kollu tal-Pjan kollu se jkunu indirizzati lejn it-tibdil fil-klima.

Element importanti ieħor tal-Pjan, stqarr is-Segretarju Parlamentari huwa dak immirat lejn id-diġitaliżazzjoni fejn hawnhekk l-investiment jlaħħaq is-26% tal-infieq ipprogrammat. 

Dawn il-fondi ser jgħinu wkoll fis-settur tas-saħħa billi fost affarrijiet oħra jitwaqqaf Blood, Tissue u Cell Centre ġdid li se jnaqqas id-dipendenza ta’ Malta fuq pajjiżi barranin għal terapiji speċjalizzati. 

Il-Pjan ta’ Malta se jindirizza l-isfida taż-żgħażagħ li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva u ta’ dawk li għandhom bżonn isaħħu l-ħiliet tagħhom. 

Barra minn hekk dan il-pjan se jkompli jssaħħaħ il-qafas istituzzjonali ta’ Malta b’riformi mill-aktar ambizzjużi li ħafna minnhom diġà bdew jitwettqu bil-għan li tkompli tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u kif ukoll l-Aggressive Tax Planning.

Ekonomija

Sport