Saturday, December 21, 2024

L-edukatur fiċ-ċentru tal-ħidma fis-settur edukattiv

Aqra wkoll

Matul l-aħħar xhur, kien hemm bidla fundamentali fl-operat tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni biex dan jieħu approċċ li jpoġġi lill-persuni fiċ-ċentru. Il-ministeru jemmen li l-edukaturi, flimkien mal-istudenti u l-ġenituri tagħhom, għandhom jitpoġġew fil-qalba tat-twemmin u l-proċessi tiegħu. Dan il-prinċipju ssaħħaħ aktar wara r-rispons li l-ministeru rċieva permezz tal-istħarriġ li sar fost l-edukaturi fl-2022 dwar is-sodisfazzjon fix-xogħol, u li fih il-parteċipanti talbu rwol ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-iżvilupp tal-politiki tal-ministeru.

Rispons simili kien ippreżentat lill-ministeru mill-istħarriġ dwar il-qafas tal-eżiti tat-tagħlim – li kompla jenfasizza l-fatt li l-professjonisti fl-iskejjel iridu li tkun ivvalutata aktar il-komunikazzjoni mal-partijiet konċernati, speċjalment permezz ta’ involviment dirett fil-mekkaniżmu tat-teħid tad-deċiżjonijiet, għall-benefiċċju tal-istudenti kollha.

“Permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 qed nagħtu aktar importanza lill-komunikazzjoni bejn il-ministeru u l-edukatur. Dan huwa rifless mhux biss billi l-edukatur fassal il-pedament ta’ din l-istrateġija, imma wkoll qed nagħtu aktar wisgħa lill-edukatur, anki kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-Gvern, biex ikunu involuti direttament fit-tfassil tal-politiki tal-ministeru”.

Dan kien wieħed mill-messaġġi li għadda l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu żar il-Liċeo tal-Ħamrun fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Għalliema li huwa ċċelebrat fil-5 ta’ Ottubru kull sena.

Il-Ministru Clifton Grima fakkar li l-Ftehim Settorjali għall-Edukaturi mhuwiex biss titjib sostanzjali fil-pakkett finanzjarju li dalwaqt jibdew igawdu minnu l-edukaturi fuq l-iskali kollha, imma wkoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Titjib li mhux biss iwassal għal progressjoni aktar mgħaġġla fil-karriera tal-edukaturi, aktar opportunitajiet ta’ taħriġ, imma wkoll billi l-edukatur qed ikollu rwol ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet. “Fil-politiki li qed infasslu, li kollha huma marbuta ma’ dak li joħroġ mill-istrateġija, se naraw li l-edukatur ikollu involviment dirett fit-tfassil tagħhom, billi dawn jitfasslu skont ir-rispons tal-edukaturi”, tenna l-Ministru Clifton Grima.

Il-ministru spjega wkoll li l-edukaturi, li huma l-gradi kollha tal-għalliema fl-iskejjel, huma kruċjali fl-ekosistema edukattiva. L-edukazzjoni hija wieħed mis-setturi ewlenin li taffettwa l-benesseri tas-soċjetà u t-tisħiħ ta’ reżiljenza soċjali. Huwa għalhekk li permezz tal-istrateġija qed ikunu implimentati miżuri li jħarsu anki l-benesseri tal-edukaturi nfushom, l-istess bħal ma hemm miżuri li jħarsu l-benesseri tal-istudent.

“Ninsabu fil-bidu ta’ sena akkademika u qed naraw edukaturi u studenti flimkien li qed jibdew il-perkors edukattiv tagħhom, perkors li aktar minn qatt qabel se jagħmel enfasi fuq il-benesseri – il-benesseri tal-istudent, dawk tal-edukatur. Aħna nemmnu li s-sistema edukattiva tagħna trid tassigura l-iżvilupp sħiħ tal-persuna – il-persuna li tkun fiċ-ċentru,” tenna l-Ministru Clifton Grima.

Waqt iż-żjara tiegħu fil-Liċeo, l-Ministru Clifton Grima tkellem mal-edukaturi kif ukoll mal-istudenti. Għal darb’oħra rringrazzja lill-edukaturi għax xogħol kbir li qed jagħmlu u awgura lilhom u l-istudenti sena akkademika mill-aqwa.

Ekonomija

Sport